Sunday, October 27, 2024

Tiġi mnedija l‑konsultazzjoni pubblika dwar il‑Pjan Strateġiku tal‑R&I 2023 – 2027

Aqra wkoll

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il‑Kunsill Malti għax‑Xjenza u t‑Teknoloġija (l‑MCST) nieda l‑Pjan Strateġiku Nazzjonali tal‑R&I, li jkopri l‑perjodu ta’ bejn l‑2023 u l‑2027, għall‑konsultazzjoni pubblika.

Waqt it‑tnedija ġie ppreżentat l‑abbozz tal‑Pjan Strateġiku Nazzjonali, fejn il‑partijiet kkonċernati fis-settur tar‑riċerka u l-innovazzjoni ġew mistiedna sabiex jikkontribwixxu bl‑għarfien tagħhom lejn l‑abbozz finali tal‑Pjan Strateġiku Nazzjonali tal‑R&I.

L‑abbozz tal‑Pjan Strateġiku Nazzjonali tal‑R&I jindirizza diversi aspetti tar-riċerka u l‑innovazzjoni f’Malta, b’enfasi fuq it‑tisħiħ tal‑potenzjal ta’ Malta f’dan ir‑rigward. L‑aktar aspetti importanti jinkludu sistema ta’ governanza riformata fit‑tfassil tal‑policies nazzjonali tal‑R&I; żvilupp ulterjuri tal‑ekosistema lokali tal‑R&I, u l‑integrazzjoni tal‑R&I fil‑policies.

Is‑Segretarju Parlamentari għaż‑Żgħażagħ, ir‑Riċerka, u l‑Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza kif din l‑istrateġija se jkollha rwol importanti sabiex jiġu integrati r‑riċerka u l‑innovazzjoni fi ħdan il‑viżjoni ekonomika ta’ Malta.

“Dan l‑abbozz tal‑istrateġija jeħodna pass ’il quddiem lejn l‑inkorporazzjoni tar‑riċerka u l‑innovazzjoni fl‑iżvilupp tan‑narrattiva ekonomika għal Malta bħala ekosistema tal‑R&I b’saħħitha. Il-gvern impenjat li jkompli jpoġġi R&I fil‑qalba tat‑tkabbir u l‑prosperità għall‑futur ta’ Malta permezz ta’ din l-istrateġija u l‑proposti tanġibbli li jinsabu fiha,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari.

Iċ‑Chairman Eżekuttiv tal‑MCST Jeffrey Pullicino Orlando introduċa l‑abbozz tal‑istrateġija bħala r‑riżultat ta’ bosta snin ta’ riċerka, konsultazzjoni u abbozzar tekniku mmexxi mill‑istaff tal‑MCST, bil‑għan li tiġi msaħħa u riformata l‑ekosistema tar-riċerka u l‑innovazzjoni ta’ Malta.

“L‑abbozz tal‑Pjan Strateġiku li qed inniedu llum għall‑konsultazzjoni pubblika jħaddan il‑prinċipji ġenerali tal‑governanza tar‑riforma tal‑R&I u l‑integrazzjoni tal‑R&I fis‑setturi pubbliċi u privati. Aħna nemmnu bis‑sħiħ li r‑riċerka u l‑innovazzjoni m’għandhomx ikunu biss tragward fihom infushom iżda jirrappreżentaw investiment kritiku fl‑iżvilupp ekonomiku għall-futur ta’ pajjiżna, prosperità u kwalità ta’ ħajja aħjar,” temm jgħid Dr Pullicino Orlando.

Min-naħa tiegħu, is‑Segretarju Permanenti tal‑Ministeru Matthew Vella rrefera għall‑importanza tal‑kooperazzjoni u sinerġija bejn entitajiet governattivi sabiex jassiguraw li l-viżjoni ta’ dan id‑dokument issir realtà. “Huwa ċar li l‑gvern qed jagħti importanza kbira lil dan id‑dokument, u bħala inizjattiva daqshekk importanti għall‑futur ta’ Malta aħna nħarsu ’l quddiem ħalli naħdmu id f’id mall‑istakeholders kollha sabiex verament nagħmlu din l‑istrateġija realtà,” temm jgħid is-Segretarju Permanenti.

Kull min hu interessat huwa mistieden jissottometti l‑feedback u l‑kummenti tiegħu fuq [email protected]. Il‑konsultazzjoni pubblika se tagħlaq fil‑31 ta’ Jannar 2023.

Sport