Tuesday, December 24, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: Cherise Farrugia tirbaħ tiġrija fin-Norveġja

Aqra wkoll

Iż-żagħżugħa Cherise Farrugia f’dawn il-jumejn kienet qed tipparteċipa fil-Kampjonat Ewropew għal-Sewwieqa Nisa Amateurs fin-Norveġja. B’kollox hija saqet tliet tiġrijiet, tnejn fil-korsa ta’ Bjerke t-Tlieta filgħaxija u waħda fil-korsa ta’ Momarken l-għada l-Erbgħa.

Fl-ewwel tiġrija Cherise kellha tikkuntenta bir-raba’ post hekk kif wara li kienet fuq quddiem it-triq kollha, ż-żiemel Quarry Tile deher jinqabeż minn tliet t’iżwiemel oħra fl-aħħar ftit metri. Fit-tiġrija ta’ wara sfat skwalifikata hekk kif iż-żiemel Mr Fax kellhu ftit diffikultà fid-dritt finali.

Fit-tielet tiġrija Cherise kellha ż-żiemel Apollo Creed li kien qed jibda bħala favorit assolut għar-rebħ. Bin-numru 5 marret mill-ewwel fuq quddiem u kkontrollat l-andament tat-tiġrija mill-bidu sal-aħħar biex kellha rebħa faċli. Madanakollu dan ir-riżultat ma kienx biżżejjed biex tispiċċa fuq il-podju tal-aħħar tlieta.

Il-kampjonat intrebaħ mis-sewwieqa Norveġiża Anette Frones li kienet diġà ħarġet rebbieħa fl-2015 u spiċċat it-tielet fl-2018. Fit-tieni post ġiet is-sewwieqa Fillandiża Minna Rampa u t-tielet l-Ispanjola Antonia Vaquer.

Cherise spiċċat fis-6 post minn 13-il pajjiż.

Ekonomija

Sport