Friday, November 15, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: Il-finali Tazza Johnnie Walker fl-ewwel Ħadd ta’ Novembru

Aqra wkoll

Waħda mit-Tazzi prestiġjużi u antiki tal-Malta Racing Club hija bla dubju dik tal-Johnnie Walker hekk kif teħodna lura sal-1939. Din it-tazza kienet reġgħet inħarġet fl-2013 meta dakinhar kienet saret għal żwiemel tal-galopp iżda mis-sena ta’ wara bdiet issir għal żwiemel tat-trott klassi Gold u issa saret wieħed mill-kampjonati mistennija fit-tieni parti tal-istaġun.

Seba’ heats li fihom ipparteċipaw 69 żiemel saru l-Ġimgħa 7 u l-Ħadd 9 t’Ottubru b’nofshom jikkwalifikaw għal tliet semi finali li saru nhar il-Ħadd 23 t’Ottubru biex b’hekk sirna nafu t-tnax li ħa jkunu qed jipparteċipaw fil-finali ta’ nhar il-Ħadd 6 ta’ Novembru.

Aktar kmieni llum is-Sur Alfred Braddick Marketing Manager ta’ M.Demajo Wines & Spirits Limited flimkien mal-Viċi Chairman tal-Malta Racing Club u EquestriMalta s-Sur Edwin Borg tellgħu l-polza tan-numri abbinati mal-finalisti. Preżenti wkoll kien hemm is-sidien taż-żwiemel finalisti.

Din il-finali mistennija tkun waħda missielta u kompetittiva hekk kif il-livell ta’ din il-kategorija huwa wieħed għoli ferm. Apparti t-trofej sbieħ, iż-żiemel rebbieħ jirċievi ukoll għata kommemorattiva bis-sid tiegħu jieħu wkoll flixkun Johnnie Walker Blue Label. Bħal dejjem l-isponsor ħa ħsieb li s-sidien taż-żwiemel li jispiċċaw fit-tieni, it-tielet u r-raba’ post jieħdu wkoll magħhom flixkun Johnnie Walker 18-year old, Johnnie Walker Gold Reserve u Johnnie Walker Green Label rispettivament.

F’din il-finali se jitqassmu total ta’ €2725 fi premjijiet ta’ flus.

Ekonomija

Sport