Saturday, November 16, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: L-ewwel finali tal-Kampjonat Assikura tal-Klassi Gold

Aqra wkoll

Fl-2007 bdiet kollaborazzjoni bejn il-kumpanija tal-assikurazzjoni Assikura u t-tiġrijiet taż-żwiemel. Dakinhar kienet saret Condition Race iżda fl-2010 beda jsir kampjonat li baqa jsir kull sena anke meta s-sitwazzjoni kienet waħda diffiċli minħabba l-pandemija. Din is-sena dan il-kampjonat qed jiċċelebra l-ħmistax-il sena tiegħu u huwa wieħed li s-sidien jistennew b’antiċipazzjoni hekk kif ikun qed jiftaħ l-istaġun tal-kampjonati fil-kalendarju lokali.

Waqt il-konferenza stampa li saret fil-Malta Equidrome sabiex jittelgħu l-poloz tal-finalisti ta’ din is-sena kien hemm preżenti l-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Equidrome l-Avukat Matthew Brincat, il-Viċi President tal-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele kif ukoll is-Sinjura Lucienne Cini Chief Operations Officer tal-Assikura.

Is-Sinjura Cini qalet li fl-aħħar snin l-appoġġ tal-kumpanija Assikura Insurance Brokers għall-isport Malti kiber konsiderevolment tant li qed jissapportjaw erba’ dixxiplini differenti fosthom it-tiġrijiet taż-żwiemel. Dan għaliex jemmnu bis-sħiħ fil-benefiċċji li l-isport iħalli fil-komunità u anke għall-fatt li t-tiġrijiet taż-żwiemel jibqgħu wieħed mill-aktar sport popolari f’pajjiżna.

Dr Matthew Brincat irringrazzja lill-Kumpanija Assikura li sena wara sena dejjem kienu hemm jagħtu s-sostenn tagħhom fejn anke s-sena l-oħra komplew ikabbru l-kollaborazzjoni tagħhom bil-ħolqien tal-Assikura Speed Race.

F’isem il-Malta Racing Club is-Sur Anthony Demanuele indirizza lis-sidien u l-ġerrejja fejn fakkarhom fl-obligi tagħhom li jsegwu r-regoli għax dan ikun qed jiżgura li l-ispettaklu tal-finali jkun wieħed li jista’ jitgawda minn kulħadd b’mod ġust u xieraq.

Għall-edizzjoni ta’ din is-sena ġrew total ta’ 72 żiemel f’sitt heats nhar l-4 ta’ Frar li minnhom 36 żiemel ipparteċipaw fi tliet semi finali nhar it-18 ta’ Frar. Il-finali ta’ dan il-Kampjonat riservat għall-klassi Gold se tkun qed issir il-Ħadd 3 ta’ Marzu u fiha jitqassmu total ta’ €3200 fi premjijiet kif ukoll trofej lil dawk li jispiċċaw fl-ewwel 4 postijiet. Iż-żiemel rebbieħ jirċievi wkoll għata kommemorattiva.

Ekonomija

Sport