Friday, November 15, 2024

TIKBER IL-BIŻA’ LI NINSABU RESQIN LEJN RIĊESSJONI

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem u ġimgħat fl-Ewropa u f’għadd ta’ pajjiżi madwar id-dinja kompliet tippersisti l-inflazzjoni. F’Malta ukoll dan qiegħed jolqotna sew hekk kif għadd kbir ta’ prodotti u anke servizzi qegħdin jogħlew fil-prezz u dan minħabba diversi fatturi.

Fl-aħħar jiem, inħarġet l-istatistika fejn f’dik taż-żona Ewro dehru sinjali inkwetanti ferm. Sinjal li qegħdin joħolqu biża’ li ż-żona Ewro tispiċċa f’riċessjoni.  Din il-biża’ ġejja mill-fatt li mill-aħħar statistika ippubblikata intwera kif l-attività kummerċjali naqset flok żdiedet. Ma’ dan għandek il-fatt li l-ordnijiet mingħand kumpaniji naqsu għat-tieni xahar konsekuttiv. It-tnaqqis fl-ordnijiet laqat l-aktar lil Franza u lill-Ġermanja. 

Dan it-tnaqqis fl-attività ekonomika u ordnijiet  hu l-akbar wieħed fl-aħħar tmintax-il xahar.  Dan qed iseħħ minħabba tnaqqis fid-domanda għax-xiri, żieda fil-prezzijiet u prodotti mhux mibjugħin.

Proprju fl-aħħar jiem, inħareġ dak li jissejjaħ il-Purchasing Managers Index minn S&P, indiċi li minnu wieħed ikun jista’ jara id-direzzjoni tax-xejriet ekonomiċi fil-manifattura u fis-settur tas-servizzi. Prattikament dan hu indiċi li juri jekk il-kundizzjonijiet tas-suq, humiex qegħdin jespandu, hux se jibqgħu fl-istess livell jew inkella jekk hux se jibdew jiċkienu.

Dan l-indiċi wera sinjal negattiv ħafna, għax dan naqas b’0.7 punti u dan jinsab fl-inqas livell sa minn Frar tas-sena 2021.  Mhux hekk biss imma dan l-indiċi hu t-tieni wieħed konsekuttiv fejn il-livell tiegħu kien jinsab taħt il-linja li tissepara ekonomija li qed tiċkien minn dik li qiegħda tikber. 

Il-mistoqsija li qiegħda ssir issa hi ta’ x’se jkun qed jiġri fl-ekonomiji fit-tielet kwart ta’ din is-sena. Jidher li kollox qed jipponta lejn il-fatt li se naraw ekonomiji li flok se jikbru, se jkunu qegħdin jiċkienu. 

Pajjiżna qed iħoss ukoll l-għafsa tal-inflazzjoni, minkejja li sa issa f’pajjiżna ċertu prodotti li f’pajjiżi barranin għolew sew bħal fjuwil u l-enerġija, baqgħu bil-prezz li kienu. 

F’pajjiżna stħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Fiduċja wera li s-sentiment ekonomiku f’Malta niżel f’Lulju meta mqabbel max-xahar ta’ qabel, iżda baqa’ mal-medja storika tiegħu. Meta mqabbel ma’ Ġunju, is-sentiment iddeterjora fis-setturi kollha koperti mill-istħarriġ, ħlief fis-settur tal-bejgħ bl-imnut.  F’Ġunju, il-produzzjoni industrijali naqset f’termini annwali, għalkemm b’rata inqas mgħaġġla meta mqabbla ma’ Mejju. Sadanittant, il-volum tal-bejgħ bl-imnut żdied b’ritmu inqas mgħaġġel mix-xahar ta’ qabel. 

Ir-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet 6.8% f’Lulju, meta x-xahar ta’ qabel kienet ta’ 6.1%.

M’hemm ebda dubju quddiem l-aħħar riżultati, bl-infieq tan-nies u domanda qegħdin jonqsu, liema azzjonijiet qed iwasslu lill-Bank Ċentrali Ewropew biex jgħolli l-interessi, għadd ta’ ekonomisti huma konvinti aktar minn qatt qabel li ż-żona Ewro tinsab dieħla f’riċessjoni. 

Din hi sitwazzjoni li se ġġib inkwiet industrijali fl-Ewropa u madwar id-dinja. Diġa qegħdin naraw sinjali ċar minn unions Ewropej, li se jinżlu fit-toroq. Fi Spanja mistennija protesti kbar f’Settembru jekk ma jkunx hemm qbil biex jiżdiedu l-pagi. Protesti u manifestazzjonijiet simili mistennija f’għadd ta’ pajjiżi oħra.

U quddiem dan se jkun hemm min hu lest biex jisfrutta l-inkwiet industrijali li se jinqala’. Se jkollok partiti populisti u organizazzjonijiet estremisti li se jużaw l-inflazzjoni biex jippruvaw jiddistabbilizzaw il-gvernijiet.  Dan iwassal għal aktar protesti u inkwiet industrijali. Wieħed jistenna li l-gvernijiet jippruvaw jilqgħu għal dan billi jżidu s-sussidji u skemi ta’ għajnuna.  L-effett ta’ dan hu żieda fin-nefqa’ tal-gvern li mbagħad irid jara kif se jagħmel tajjeb għaliha, ħafna drabi billi jżid it-taxxi lil kumpaniji kbar. 

Dan ix-xenarju jgħodd ukoll għal pajjiżna. M’hemmx dubju li l-inflazzjoni qed toħloq tbatija u inċertezza f’pajjiżna b’mod partikolari f’dawk bi dħul baxx u dawk vulnerabbli. Dawn hemm bżonn jiġu mwieżna sew biex ma jkomplux jaqgħu lura.  Nemmnu ukoll li ma nistgħux inħallu l-ġungla sħiħa li għaddejja fejn jidħlu l-prezzijiet. Hemm min qed jabbuża u wieħed jistenna li kontra dawk li qed jabbużaw sfaċċatament għandhom jittieħdu l-azzjonijiet neċessarji. Jekk ma titteħidx azzjoni, hemm il-biża’ li oħrajn jitħajru huma ukoll jabbużaw. Dan ifisser li dak mogħti lil dawk vulnerabbli jispiċċa jittiekel minn dawk li qed jabbużaw, li nemmnu li huma minoranza.

Ekonomija

Sport