Fl-aħħar sigħat rajna l-attakk qawwi li Iżrael wettaq fuq għadd ta’ żoni fl-Iran. Ir-raġunament wara dan l-attakk kien il-programm nuklejari ta’ l-Iran. Li ma tantx issemma’ hu l-fatt li l-attakk sar prorpju sigħat qabel kellhom isiru laqgħat bejn l-Iran u l-Istati Uniti dwar il-programm nukleari. Kif kien mistenni, ftit sigħat wara l-attakk ta’ Iżrael seħħet ir-ritaljazzjoni mill-Iran.
Wieħed irid jirrimarka li l-kwistjoni ma bdietx fl-aħħar xhur. Netanyahu ilu ossessjonat bl-Iran għal żmien twil. Filfatt l-istess Prim Ministru Netanyahu kien irrimarka li t-theddida għall-eżistenza ta’ Iżrael mhux ġejja mill-Palestina jew mid-dinja Għarbija iżda ġejja mill-Iran u l-programm nuklejari tiegħu.
Din l-ossessjoni ta’ Netanyahu, li ilha tidher sa minn meta tfaċċa għall-ewwel darba fix-xena politika, għandha l-għeruq tagħha fil-konvinżjonijiet ideoloġiċi tiegħu, l-istrateġija u l-manuvri politiċi tiegħu. U allavolja Netanyahu, kelli u għandu pariri li attakk fuq l-Iran jista’ jwassal biex jikkawża aktar ħsara lill-istrateġija għas-sigurtà ta’ Iżrael, waqt li jħaffef it-tellieqa tal-Iran għall-armi nuklejari, xorta baqa’ stinat fl-ossessjoni tiegħu li jattakka lil dan il-pajjiż.
M’hemm ebda dubju li l-attakk Iżraeljan fl-aħħar sigħat żied bil-kbir it-tensjoni fil-lvant nofsani. Żied ir-riskju li l-kunflitt jinfirex. Kien attakk li wera li Netanyahu ftit jinteressah mill-konsegwenzi ta’ attakk simili. Fuq kollox kien attakk li wera l-inkonsistenza tal-President tal-Istati Uniti, Donald Trump.
Wara l-attakk, id-Dipartiment tal-Istat Amerikan b’mod immedjat iddikjara li l-attakk Iżraeljan fuq l-Iran, li wassal biex inqatel kmandant militari ewlieni u xjenzati nukleari kif ukoll laqat il-kapaċità tal-missili tiegħu u sit ta’ nukleari, kien unilaterali.
Il-mistoqsija li bdiet issir wara l-attakk, kienet għaliex issa? Ir-risposta ma tantx hi diffiċli. Fis-sigħat li ġejjin mistennija isiru taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-Iran dwar il-programm nukleari tiegħu. Jidher li hemm min qed jargumenta li Netanyahu beża’ li f’dawn il-laqgħat jista’ jintlaħaq xi ftehim u għalhekk twettaq l-attakk.
Minn naħa tiegħu l-President Trump, wissa lill-Iran bil-possibilità ta’ attakki aktar qawwija fil-futur. Hu ħeġġeġ lill-Iran biex jagħmel ftehim.
Trump iddikjara li “l-Iran messu sema’ minni meta tajthom twissija ta’ 60 jum u llum huwa l-61 jum”. Hu ddikjara ukol li “issa għandhom jiġu madwar il-mejda tan-negozjati biex jagħmlu ftehim qabel ma jkun tard wisq. Se jkun tard wisq għalihom. In-nies li kont qed nittratta magħhom huma mejtin”.
U quddiem dan l-attakk joħorġu għadd ta’ mistoqsijiet b’mod partikolari x’se jiġri. Ir-Russja se tkun qiegħda tgħin lil Iran? Din hi domanda li ħafna qegħdin jistaqsuha, u ma jidhirx li r-Russja għandha xi entużjażmu partikolari li tidħol għal dan il-kunflitt. Jekk imbagħad wieħed jieħu l-pajjiżi l-ġirien, dawn żgur li ma jridux kunflitt wara biebhom għax dan iġib instabbilità. Jista’ jkun li minkejja kollox jixtiequ imma li l-Iran ikun imdgħajjef. L-Iran dejjem kien rival antik tagħhom.
Ma’ dan għandek il-fatt, li f’pajjiżu Netanyahu iffaċċja ċertu inċertezza għalkemm irnexxielu jsalva. Filfatt il-gvern tiegħu proprju fl-aħħar sigħat salva minn tentattiv biex jiġi xolt il-Parlament ta’ Iżrael. Il-biċċa l-kbira tas-sħab tal-koalizzjoni jingħaqdu miegħu biex jivvutaw kontra abbozz ta’ liġi. Dan il-vot jitqies bħala li kien l-aktar sfida serja għall-gvern ta’ Netanyahu mill-attakk immexxi mill-Ħamas fuq in-nofsinhar ta’ Iżrael fis-7 ta’ Ottubru 2023, li kien l-akbar falliment tas-sigurtà fl-istorja ta’ Iżrael u li wassal għall-gwerra li għaddejja f’Gaża. Il-fatt li issa l-abbozz ta’ liġi m’għaddiex, jfisser li l-ebda leġiżlazzjoni oħra biex jiġi xolt il-Parlament ma tista’ tiġi sottomessa għal mill-inqas sitt xhur, u b’hekk issaħħaħ il-koalizzjoni ta’ Netanyahu li tinsab f’diffikultà.
Ma’ dan imma l-Gvern ta’ Netanyahu qiegeħd jiffaċċja kundanni kontinwi fil-qasam internazzjonali. Kundanni li jitkellmu dwar krimini tal-gwerra f’Gaża, għalkemm l-Istati Uniti u oħrajn jippermettu li dawn il-krimini jkomplu.
Il-mod kif qiegħed jaġixxi l-gvern ta’ Netanyahu qiegħed litteralment ikisser ir-reputazzjoni ta’ Iżrael fil-qasam internazzjonali, għalkemm jista’ jkun li dak li qed isir isaħħaħlu l-appoġġ f’pajjiżu.
Lil hinn minn dan imma wieħed jista’ faċilment isaqsi fejn hi l-Istati Uniti. Wieħed jista’ jiftakar dikjarazzjonijiet minn Trump kontra l-gwerer jew saħanistra li se jsolvi kunflitt fi żmien qasir. Imma fl-aħħar sigħat smajnieh jgħid li ma kienx imħasseb dwar gwerra li tista’ tfaqqa’ minħabba l-attakki ta’ Iżrael. Dikjarazzjonijiet simili ma juru xejn għajr inkonsistenza fil-politika barranija tal-Istati Uniti. Inkonsistenza li magħha ġġib l-inċertezzi u l-instabbilità.