Wara l-umiljazzjoni ta’ 5-2 kontra Real Madrid, f’Anfield, il-pożizzjoni tal-caoch, Jurgen Klopp, bħala manager ta’ Liverpool tinsab taħt theddida serja u teżisti possibbiltá li jista’ jitkeċċa mill-kariga tiegħu.
Skond rapporti fil-media Ġermaniża, is-sidien tar-Reds identifikaw lis-sostitut tiegħu li wkoll huwa Ġermaniż u qed jaħdem fil-Bundesliga.
Klopp huwa ikona f’Liverpool wara li ggwidahom lejn ir-rebħ tat-Tazza tad-Dinja tal-Clubs, il-UEFA Champions League, is-Super Cup Ewropea, il-Premier League, l-FA Cup u l-League Cup.
Huwa “għamel” lil Liverpool minn fost l-isfidanti ewlenin fil-konfront ta’ Manchester City għar-rebħ tat-titlu tal-Premier League f’diversi staġuni, minkejja li r-Reds ma tantx kellhom il-fondi biex tinbena skwadra b’saħħitha daqs dik tas-Citizens.
Fl-istaġun li għadda, Liverpool kienu qed jimmiraw għal Quadruple … iżda rebħu biss l-FA Cup u l-League Cup … fejn kellhom iċedu t-tiġrija tar-rebħ tat-titlu b’punt għas-spejjeż ta’ Manchester City u tilfu l-finali tal-UEFA Champions League kontra Real Madrid 1-0.
Madankollu, f’dan l-istaġun, ir-Reds huma biss id-dell tal-istaġun preċedenti hekk kif kollox huwa mitmum għalihom. Minbarra li huma eliminati minn kull kompetizzjoni, huwa jinsabu fit-tmien post tal-Premier League.
Jekk kien hemm xi tama li jkomplu javvanzaw għall-kwarti-finali tal-UEFA Champions League huma ġew megħluba 5-2 f’darhom minn Real Madrid u għaldaqstant hija impossibbli li jaqtgħu l-passaġġ mal-aħħar tmienja.
Fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa mill-ġerarkija ta’ Anfield biex jiġi deċiż il-futur ta’ Klopp … hekk kif jidher li qed jiġi abbandunat mill-players tiegħu stess.
Il-kandidat favorit li qed jissemma’ li jista’ jkun is-suċċessur tiegħu huwa Julian Nagelsmann li bħalissa jinsab fir-responsabbiltá ta’ Bayern Munich.