Eluf ta’ Maltin u turisti mistennija jimlew il-Fosos tal-Furjana għall-kunċert ta’ Robbie Williams nhar il-Ħamis li ġej.
L-artist ġgant, li kien sab il-fama l-ewwel mal-band Britannika Take That, u wara bħala artist solista, żied lil Malta fit-tour Ewropew tiegħu, bl-isem XXV, biex jiċċelebra karriera ta’ 25 sena jkanta waħdu.
It-tour Ewropew ta’ Williams beda bi spettaklu f’Bologna, l-Italja, se jkompli b’kunċerti oħrajn fl-Ewropa fosthom f’Pariġi, Amsterdam u Berlin, sakemm ikompli bil-vjaġġ tiegħu lejn l-Ażja u l-Awstralja.
Hekk kif ninsabu biss ftit sigħat bogħod mill-kunċert tant mistenni f’pajjiżna tkompli tikber l-istennija għall-aqwa kanzunetti ta’ Williams fosthom “Angels” u “She’s The One”.