Saturday, November 23, 2024

Tikkalma s-sitwazzjoni fi Sri Lanka hekk kif il-poplu jistenna r-riżenja tal-President

Aqra wkoll

Fil-belt ewlenija ta’ Sri Lanka, Colombo, is-sitwazzjoni fl-aħħar sigħat jidher li kienet kemxejn kalma u dan hekk kif il-poplu qiegħed jistenna l-aħbar uffiċjali tar-riżenja tal-President Gotabaya Rajapaksa. Fil-preżent, minħabba l-protesti li kien hemm f’dawn l-aħħar jiem, ġie impost curfew u s-suldati qegħdin jagħmlu r-rondi mat-toroq biex b’hekk tiġi mrażżna l-vjolenza. 

Ilbieraħ, Rajapaksa kien ħarab lejn il-Maldives biex jevita li jispiċċa f’idejn dimostranti rrabjati li qed jipprotestaw minħabba l-kriżi ekonomika li spiċċa fiha l-pajjiż. Skont l-aħħar indikazzjonijiet, jidher li issa Rajapaksa se jkun qiegħed imur lejn Singapore. 

Ir-rabja tal-poplu ta’ Sri Lanka ilha xhur tikber ftit ftit minħabba l-kriżi ekonomika sakemm finalment din laħqet il-qofol tagħha l-ġimgħa li għaddiet meta mijiet ta’ eluf ta’ persuni daħlu bil-forzi f’bini governattiv ġewwa Colombo u okkupawh. Il-poplu huwa rrabjat ferm għat-tmexxija tal-familja Rajapaksa – li ilha tiddomina x-xena politika tal-pajjiż għal dawn l-aħħar żewġ deċenji – u skonthom dawn huma responsabbli għall-infalazzjoni, nuqqas ta’ provvisti neċessarji u korruzzjoni. 

Rajapaksa – flimkien ma’ martu u żewġ uffiċjali tas-sigurtà – kienu kostretti jaħarbu mill-pajjiż permezz ta’ ajruplan militari u telqu lejn il-Maldives. Fil-preżent għad hemm numru ta’ dimostranti jokkupaw ir-residenza tal-President (li hija mogħnija b’lussu kbir), flimkien ma’ bini governattiv ieħor. Iżda fl-aħħar sigħat, hekk kif il-President għażel li jaħrab, is-sitwazzjoni jidher li bdiet tikkalma xi ftit u binjiet governattivi bdew jiġu mogħtija lura f’idejn l-awtoritajiet. Wieħed mill-organizzaturi tad-dimostranti qal li ladarba l-President telaq, ma jagħmilx sens li huma jibqgħu jżommu dawn il-binjiet.

Sport