Friday, November 15, 2024

TikTok jagħmel profitti minn livestreams ta’ familji li jittallbu

Aqra wkoll

Investigazzjoni li għamel il-BBC sab li bosta familji spostati fil-kampijiet Sirjani qed jitolbu donazzjonijiet fuq TikTok filwaqt li l-kumpanija tieħu sa 70% tad-dħul mid-donazzjonijiet li jaslu lill-familji.

It-tfal qed jixxandru livestream fuq l-app tal-midja soċjali għal sigħat, jitolbu għal rigali diġitali b’valur fi flus.

L-investigazzjoni tal-BBC sabet ukoll li hemm min jaqla’ sa $1,000 (£900) fis-siegħa minn dawn il-livestreams, iżda n-nies fil-kampijiet irċevew biss frazzjoni żgħira minn dan l-ammont.

TikTok qalet li se tieħu azzjoni fil-pront kontra “tallaba ta’ sfruttament”

Il-kumpanija qalet li dan it-tip ta’ kontenut ma kienx permess fuq il-pjattaforma tagħha, u qalet li l-kummissjoni tagħha minn rigali diġitali kienet ferm inqas minn 70%. Iżda naqset milli tikkonferma l-ammont eżatt.

Aktar kmieni din is-sena, dawk li jużaw TikTok raw il-posts tagħhom jintlew b’livestreams ta’ familji fil-kampijiet Sirjani. Fil-kam­pijiet fil-Majjistral tas-Sirja, it-tendenza kienet qed tiġi ffaċilitata mill-hekk imsejħa “middlemen TikTok”, li pprovdew lill-familji bit-telefowns u t-tagħmir biex imorru live fuq l-internet.

Il-‘middlemen’ qalu li huma ħadmu ma aġenziji affiljati ma’ TikTok fiċ-Ċina u fil-Lvant Nofsani, li taw lill-familji aċċess għall-kontijiet TikTok. Dawn l-aġenziji huma parti mill-istrateġija globali ta’ TikTok biex jirreklutaw livestreamers u jinkoraġġixxu lin-nies iqattgħu aktar ħin fuq l-app.

Peress li l-algoritmu ta’ TikTok jissuġġerixxi kontenut ibbażat fuq l-oriġini ġeografika tan-numru tat-telefon ta’ utent, il-pitkala qalu li jippreferu jużaw SIM cards Brittaniċi għax in-nies mir-Renju Unit huma l-aktar ġenerużi.

Omm u s-sitt ibniet tagħha huma fost il-familji li jgħixu fuq TikTok kuljum, bilqiegħda fuq l-art tat-tinda tagħhom għal sigħat, jirrepetu l-ftit frażijiet bl-Ingliż li jafu bħal: “ please like, please share, please give a gift.”

Ir-raġel ta’ din l-omm kien inqatel f’attakk mill-ajru. Hija qed tuża l-livestreams biex tiġbor flus għal operazzjoni għal bintha li hija għamja. Ir-rigali li qed jitolbu huma virtwali, iżda jiswew lit-telespettaturi flus reali u jistgħu jiġu rtirati mill-app bħala flus kontanti. It-telespettaturi livestream jibagħtu rigali li jvarjaw minn ward diġitali, li jiswew ftit ċenteżmi, għal iljuni virtwali li jiswew madwar $500.

Għal ħames xhur, il-BBC segwa 30 kont ta’ TikTok li xxandru dirett minn kampijiet Sirjani għal nies spostati li juru li t-telespettaturi spiss kienu qed jagħtu rigali diġitali li jiswew sa $1,000 fis-siegħa għal kull kont.

Madankollu l-familji fil-kampijiet qalu li kienu qed jirċievu biss frazzjoni żgħira minn dawn is-somom ta’ flus. Il-BBC mexxiet dan l-esperiment biex issegwi fejn imorru l-flus.

Ġurnalist fis-Sirja kkuntattja waħda mill-aġenziji affiljati ma’ TikTok u qal li kien qed jgħix fil-kampijiet. Huwa kiseb kont u kompla live, filwaqt li l-istaff tal-BBC f’Londra bagħat rigali fuq TikTok b’valur ta’ $106 minn kont ieħor. Fl-aħħar tal-livestream, il-bilanċ tal-kont tat-test Sirjan kien ta’ $33. TikTok kien ħa 69% tal-valur tar-rigali.

L-influencer ta’ TikTok u l-eks plejer tar-rugby professjonali Keith Mason ta’ donazzjoni ta’ £300 ($330) waqt il-livestream ta’ familja waħda u ħeġġeġ lil kważi miljun segwaċi tiegħu biex jagħmlu l-istess.

Meta l-BBC qal li l-biċċa l-kbira ta’ dawn il-fondi ttieħdu mill-kumpanija tal-midja soċjali, Mason sostna li dan kollu kien “redikolu” u “inġust” mal-familji fis-Sirja u li dan kien eżempju ħaj ta’ regħba għall-flus mill-kumpanija.

It-$33 li kien fadal mir-rigal ta’ $106 tal-BBC tnaqqsu b’10% oħra meta sar it-trasferiment tal-flus. L-intermedjarji TikTok jieħdu 35% tal-bqija, u jħallu familja b’$19 biss.

Wieħed mill-‘middlemen’ TikTok fil-kampijiet, qal lill-BBC li kien biegħ il-bhejjem tiegħu biex iħallas għal telefon ċellulari, SIM card u konnessjoni wi-fi biex jaħdem mal-familji fuq TikTok.

Bħall-middlemen l-oħra, huwa qal li kien appoġġjat minn “aġenziji” fiċ-Ċina, li jaħdmu direttament ma ‘TikTok. Aġenziji bħal dawn, magħrufa bħala “livestreaming guilds” u bbażati madwar id-dinja kollha, huma kkuntrattati minn TikTok biex jgħinu lil min joħloq kontenut li jipproduċu livestreams aktar attraenti.

L-aġenziji sostnew mal-BBC li TikTok iħallashom kummissjoni skont it-tul tal-livestreams u l-valur tar-rigali riċevuti.

Ekonomija

Sport