Saturday, September 14, 2024

TikTok jillimita filwaqt li Netflix jaqta’ s-servizz ġewwa r-Russja

Aqra wkoll

Is-sit TikTok illimita s-ser­vizzi tiegħu ġewwa r-Russja filwaqt li Netflix qatgħet totalment is-servizz tagħha ġewwa dan il-pajjiż. Dan seħħ bħala protesta kontra l-azzjoni militari li dan il-pajjiż qiegħed iwettaq ġewwa l-Ukrajna. 

TikTok ħabbar li se jkun qiegħed jissospendi s-servizz ta’ xandiriet live u kontenut ġdid fuq il-pjattaforma tagħhom u dan hekk kif l-operaturi qed janalizzaw il-liġijiet il-ġodda li Moska għad­diet dwar tixrid ta’ “informazzjoni qarrierqa” dwar il-forzi militari tagħha.

TikTok għandha xejn inqas minn 36 miljun utent ġewwa r-Russja u qalet li ħadet din id-deċiżjoni biex tkun żgurata s-sigurtà tal-ħaddiema u tal-utenti tagħha. 

Flimkien ma’ Netflix, kumpaniji oħrajn tal-Punent bħal Visa, Mastercard u PwC ukoll qatgħu r-rabtiet tagħhom mar-Russja. 

Fl-aħħar jiem ir-Russja għaddiet liġi li tgħid li kull min jikteb informazzjoni li tkun meqjusa bħala falza fil-konfront tal-militar Russu jista’ jeħel sa 15-il sena ħabs. Apparti hekk, fost diversi affarijiet oħrajn li tgħid din il-liġi, il-Kremlin qiegħed joġġezzjona li dan il-kunflitt jiġi deskritt bħala “gwerra” u minflok għandu jissejjaħ bħala “operazzjoni militari speċjali”.

Ekonomija

Sport