Clinton Bugeja Camilleri baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti fejn ġie mixli li seraq mara waqt li kien fir-residenza tagħha.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif l-akkużat li fuq tiktok juża l-isem ta’ “Clinton Addict” mar għand il-vittma f’San Pawl il-Baħar u talabha biex jagħmel telefonata.
Waqt li l-mara llargat ftit minn ħdejn, l-akkużat allegatament seraqha madwar €400 fi flus kontanti, mowbajl, nuċċali tad-ditta kif ukoll it-Tallinja Card.
L-avukati tal-akkużat qalu li l-flus li kellu l-akkużat kien se jużahom biex jixri xi ħaġa għalihom it-tnejn. Filwaqt li talbu għall-ħelsien mill-arrest, huma sostnew li l-akkużat qed jattendi wkoll programm għall-għajnuna biex jegħleb il-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat għal din it-talba għax l-akkużat kien diġà naqas milli jiffirma fl-għassa kif kien obbligat jagħmel minħabba kundizzjonijiet imposti fuqu mill-Qorti dwar każ ieħor.
Il-Qorti qalet li m’għandhiex serħan tal-moħħ li l-imputat se josserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest u allura ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.