B’qalb maqsuma iżda wkoll b’ferħ kbir, Caroline Langstone rrakkontat ma’ ġurnal Ingliż li hija u żewġha Luke Clayton tilfu 21 tarbija wara li kull darba li kienet tinqabad tqila dejjem kienet tkorri wara ftit ġimgħat.
L-omm iddeċidiet li biex tgħin nisa oħrajn li jixtiequ jkollhom l-ulied ħadet sehem f’riċerka li saret mill-Isptar Università ta’ Coventry u Warwickshire fir-Renju Unit.
Tgħid li bdew jipprovaw li jkollhom it-tfal bħal kull koppja oħra iżda kien kollu għal xejn. Wara 9 snin ta’ niket kellhom “miraklu” u welldet tifla li semmewha Amelia.
Caroline tirrakkonta kif hi bdiet taħseb li qatt ma jista’ jkollha tfal wara daqshekk korrimenti, iżda fl-istess ħin baqgħet bit-tama li xi darba tħaddan wild.
Hekk kif indunat li ħareġ tqila kellha biża’ kbir li se terġa’ tkorri. “Kont verament imbeżża’ li se nerġa’ nkorri. Qatt ma xtrajt ħwejjeġ tat-trabi jew lestejt xi affarijiet minn qabel biex meta titwieled ikolli kollox lest. Kienu ħbieb tiegħi li waqt li kont qed inwelleb marru xtrawli kollox,” irrakkontat Caroline.
L-omm tkompli tgħid li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq bil-miraklu tat-tarbija li kellhom. “Mhux qed nippjana li jkolli lil xi ħadd ieħor… il-miraklu miegħi diġà sar. Wara li tlift 21 tarbija u kważi tlift kull tama waslet Amelia. Qatt titlef it-tama,” temmet tgħid l-omm.