Andrew Crown jemmen li jekk fl-Ingilterra l-pilloli li jittieħdu fin-nightclubs jiġu legalizzati, dan ikun qed “jipproteġi” lit-tifal u mhux “jagħmilhielhom iżjed faċli biex jabbużaw minnhom” għaliex fl-opinjoni tiegħu l-ikbar periklu għaż-żgħażagħ ġej mill-fatt ta’ pilloli li jinxtraw mill-black market. Huwa jargumenta li l-kunċerti u n-nightclubs fl-Ingilterra jinsabu invażati b’pilloli impurtati miċ-Ċina u mibjugħa mill-mafja Taljana.
Crown jisħaq li l-uniku mod li bih jistgħu jgħinu liż-żgħażagħ huwa billi tinbidel is-sistema preżenti u wieħed ikun jista’ jmur jixtri dawn il-pilloli li “jġagħluk tħossok aħjar” fin-nightclubs minn spiżerija. Dan għaliex hemmhekk jingħataw pariri u istruzzjonijiet dwar kif wieħed għandu jikkonsma dawn il-pilloli. Barra minn hekk ikun hemm iżjed serħan il-moħħ għax il-pilloli jkunu manifatturati minn kumpaniji farmaċewtiċi.
Crown jistqarr li għandu interess personali f’dan ir-rigward għaliex sitt snin ilu, hu u martu (Margaret Cowan) tilfu lil wieħed minn uliedhom wara li kkonsma pillola li ħasibha MDMA.
Daniel Crown miet fl-età ta’ 29 sena. Allegatament fl-2016 huwa ngħata pillola mingħand xi ħadd minn sħabu li qallu li kienet MDMA. Apparentament din il-persuna kienet xtrat is-sustanza mid-dark web. Minn testijiet li saru iżjed tard irriżulta li Daniel kien ingħata l-eroina u mhux MDMA.
Minħabba l-mewt ta’ binhom, Andrew u Margaret iffurmaw parti mill-Anyone’s Child campaign group — grupp immexxi minn familji li jixtiequ li meta wliedhom jieħdu xi sustanzi ma jpoġġulhomx ħajjithom fil-periklu.
Riċentament, teenager tilfet ħajjitha f’ċirkostanza simili ta’ Daniel. Lucy Hill li kien għad kellha biss 16-il sena, mietet iżjed kmieni dan ix-xahar wara li ħadet pillola li ħasbitha MDMA waqt li kienet ġo nightclub f’Exeter. Andrew (61 sena) u Margaret (63 sena) f’intervista li kellhom mal-ġurnal Ingliż Metro qalu illi l-każ ta’ din it-teenager inkuraġġiehom biex jerġgħu jkomplu bil-kampanja favur il-legalizzazzjoni ta’ pilloli li huma meqjusa inqas perikolużi.