Sunday, December 22, 2024

“Tilqima li tikkaratterizza l-inugwaljanza”

Aqra wkoll

Minn Victor Vella

Fl-aħħar jiem kellna  ħafna ferħ. Entużjażmu għax waslet it-tilqima. Bħal ħafna pajjiżi oħra Ewropej, sezzjonijiet sħaħ tal-poplu kienu sodisfatti li fl-aħħar dik it-tilqima li toffri protezzjoni waslet fil-pajjiż u se tibda tingħata lin-nies. L-argument malajr dar, u beda jkun dak li għandna nħaffu nagħtu din it-tilqima.

Ma naqsux li rajna filmati u diskorsi fuq din it-tilqima tal-Covid19. Kull fejn tkellmu fuqha, id-diskors kien ikun dwar x’se jkun qed jiġri f’dak il-pajjiż. Kif se jeħduha iċ-ċittadini tiegħu.

Ovvjament id-dikjarazzjonijiet li tilqima daqs tasal, ħolqu stennija fost in-nies. Ngħidu ukoll li ħolqu aljenazzjoni. Fid-dinja egoista li qed ngħixu fiha, ħafna kienu jinteressahom biss minn pajjiżhom. Meta se tasal biex jeħduha u b’hekk jibdew jgħixu ħajjithom mill-ġdid.

Imma kulħadd għandu din l-istess xorti? Mistoqsija li t-tweġiba għaliha hi fin-negattiv. Le mhux kulħadd. Anzi din it-tilqima, qed tikkaratterizza inugwaljanza kbira. Pajjiżi foqra, għandhom problemi kbar biex ikollhom it-tilqima. Il-pajjiżi sinjuri akkwistawh, waqt li dawk fqar, għandhom problema mhux żgħira. Fuq dan, ftit li xejn tisma min jitkellem. F’dinja fejn l-ewwel jien, it-tieni jien u t-tielet jien, ftit li xejn tistenna li ssib min jitkellem fuq din ir-realtà.

Fl-Afrika it-tilqima mhux se tasal qabel it-tieni kwart tas-sena 2021

Mill-Afrika fl-aħħar jiem bdiet ħierġa l-karba bl-għan li ssir ħidma biex forsi it-tilqima tasal qabel. Smajna dikjarazzjoni kemm hi terribbli li tara pajjiżi sinjuri jirċievu mill-ewwel it-tilqima u oħrajn fqar m’għandhom idea meta se tasal. U dan meta anke fl-Afrika, kontinent ta’ 1.3 biljun persuna, qed jesperjenzaw żieda fil-każijiet ta’ Covid19.

Iċ-Ċentru Afrikan għal Kontoll u l-Prevenzjoni tal-Mard tkellem b’mod ċar dwar dan. Id-Direttur ta’ dan iċ-ċentru, John Nkengasong, wissa li l-Afrika tista’ ma’ tirċevix it-tilqima qabel it-tieni kwart tas-sena 2021. Sar appell lin-Nazzjonijiet Uniti biex issir sessjoni speċjali u fiha ikun diskuss it-tqassim ġust tat-tilqima u dan biex ikun evitat li  jkun hemm id-differenzi bejn is-sinjuri u l-fqar, bejn tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar.

Illum nafu li ħafna pajjiżi xtraw tilqim aktar minn kemm għandhom popolazzjoni, aktar minn kemm għandhom bżonn.  Nafu li ħafna pajjiżi għandhom ftehim ma’ aktar minn kumpanijia waħda. Dan sar biex ikunu żguri li jkollhom tilqima għal kulħadd fi żmien qasir.

Fil-kontitnent Afrikan, is-sitwazzjoni hi differenti. Għad hemm problemi mal-COVAX, li hi inizjattiva multinazzjonali li l-għan tagħhom hu li twassal ammont ta’ tilqim lejn pajjiżi fqar u mhux żviluppati.

Jidher li hu fatt li l-Afrika lanqas se tirċievi biżżejjed tilqim mill-COVAX biex tilħaq il-mira ta’ 60 fil-mija ta’ popolazzjoni mlaqqma.  Qed isiru appelli biex pajjiżi li se jkollhom tilqim żejjed jgħadduhom lill-COVAX. Prattikament tkarrib mill-pajjiżi Afrikani biex jingħataw iż-żejda. 

Quddiem twissijiet li l-Covid19 tista’ ssir endemika fl-Afrika jekk it-tilqim idum ma jasal,  Richard Mihigo mill-Organizazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) iddikjara ukoll bla tlaqlieq li għandu jsir appell b’saħħtu għal aċċess ugwali għat-tilqima.  Hu sejjaħ  is-sitwazzjoni ta’ bħalissa bħala ‘problema reali”.

Irid jingħad li l-54 pajjiż Afrikan, bħalissa għandhom aktar minn 2.3 miljun każ ta’ infezzjonijiet mill-Covid19.

Riedu jissospendu l-proprjetà intellettwali … imma l-pajjiżi sinjuri fosthom l-UE ma riedux

Bl-għan li jitħaffef il-proċess, il-pajjiżi mhux żviluppati bdew jaraw li jekk ikun hemm is-sospensjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali relatati mat-tilqima, din għandha twassal biex ikun hemm aċċess ferm aħjar għal pajjiżi foqra biex jakkwistaw it-tilqima. L-Afrika ta’ Isfel u l-Indja, ipproponew dan lil Organizazzjoni Dinjija għall-Kummerċ (WTO). Ipproponew is-sospensjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u dan biex ikun żgurat li mhux il-pajjiżi sinjuri biss ikollhom aċċess għal din it-tilqima.

Kumpaniji kbar tal-farmaċewtika u ħafna pajjiżi sinjuri opponew din il-proposta bil-qawwa.  Huma qalu li din il-proposta ma tagħmel xejn ħlief li xxekkel l-innovazzjoni, fi żmien meta hemm bżonn ħafna tagħha. 

Il-pajjiżi inqas żviluppati argumentaw li mingħajr miżuri speċjali, pajjiżi sinjuri se jispiċċaw jibbenefikaw minn teknoloġiji ġodda li jkunu se jidħlu fis-suq, waqt li pajjiżi foqra jibqgħu b’xejn. Il-proposta mill-Indja u l-Afrika t’Isfel titlob li d-drittitjiet ta’ proprjetà intellettwali bħal patents qed ikunu ta’ xkiel gġal prodottti mediċinali affordabbli kontra l-Covid19. Huma qed isostnu li jekk ikun hemm sospensjoni ikun ifisser li aktar u aktar investituri jidħlu għal produzzjoni. Bħalissa il-manifattura hi f’idejn ftit kumpaniji biss u li dawn huma kumpaniji li għandhom il-patents ta’ dawn il-prodotti. 

Fost il-pajjiżi li opponew din it-talba għas-sospensjoni kien hemm l-Unjoni Ewropea, il-Kanada, l-Istati Uniti, il-Ġappun u saħansitra r-Renju Unit. 

Skont l-Unjoni Ewropea, jekk ikun hemm is-sospensjoni tad-dritttijiet tal-proprjetà intellettwali  dan jhedded il-kollaborazzjoni kontinwa bejn intrapriżi pubbliċi u privati għal aċċess ugwali waqt li enfasizzat il-bżonn li jkunu ‘preservati l-inċentivi’.

Diversi konsulenti fil-qasam tas-saħħa, anki fl-Ewropa qegħdin jagħmluha ċara li l-oppożizzjoni għal din is-sospensjoni  mhi se tagħmel xejn għajr li se tkompli toħloq aktar dewmien fil-produzzjoni tat-tilqim.

Sfortunatament teżisti sitwazzjoni fejn pajjiżi huma lesti li jagħtu fondi lil COVAX biex tixtri t-tilqim, imma dan ma jistax isir għax m’hemmx tilqim disponibbli minħabba d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali.

Ekonomija

Sport