It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan il-GWU irreġistrat tilwima industrijali mal-kumpanija Support Services Ltd. minħabba l-implimentazzjoni tal-liġi ġdida dwar il-ħaddiema tal-kuntrattur u l-prinċipju ta’ ħlas ugwali għal xogħol tal-istess valur.
Wara d-dħul ta’ din il-liġi, fil-bidu ta’ Jannar it-Taqsima bdiet diskussjonijiet ma’ diversi kuntratturi dwar l-implimentazzjoni ta’ din il-liġi. Skont il-liġi ġdida dawn il-ħaddiema għandhom jitħallsu l-paga bażika u benefiċċji oħra fosthom shift allowances eċċ. daqs dawk il-ħaddiema impjegati direttament mal-post tax-xogħol. F’dan il-każ Support Services Ltd. suppost qed tapplika din il-liġi però għadha qed tħallas lill-care workers tagħha skont it-tender kif mogħti mill-Gvern bil-konsegwenza li dawn il-care workers mhux jieħdu l-ħlas u l-benefiċċji dovuti lejhom skont il-ħaddiema tas-Servizz Pubbliku li jagħmlu l-istess xogħol.
F’diskussjonijiet mal-Union, Support Services Ltd., saħqet li kienet qed tistenna direzzjoni rigward l-implimentazzjoni tal-liġi l-ġdida għall-care workers tagħha u dan biex tirregolarizza l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema mal-liġi li daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2025. Il-Union min-naħa tagħha filwaqt li fehmet il-pożizzjoni tal-kumpanija, qalet li ma tistax tippermetti li dan id-dewmien iwassal għal tbatija għal dawn il-care workers. Bil-konsegwenza ta’ dan id-dewmien dawn il-care workers mhux qed igawdu mill-istess benefiċċji li għandhom il-care workers tas-Servizz Pubbliku. Fuq kollox, saħqet it-Taqsima, il-kumpaniji kellhom sitt xhur żmien biex il-kumpanija tirregolarizza l-ħlas tagħha.
Min-naħa tagħha, Support Services Ltd. assigurat lit-Taqsima li kienet se timxi mad-direzzjonijiet tad-DIER, waqt li għarrfet li qiegħdha tistenna mid-Dipartiment tal-Kuntratti u mid-DIER biex jimplimentaw u jikkumpensaw lill-kumpanija għal dan it-tibdil.
Fid-dawl ta’ dan il-Union ma kien fadlilha l-ebda triq oħra ħlief li tirrikorri għal tilwima industrijali. It-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa fi ħdan l-GWU mhux teskludi li jekk dawn il-ħaddiema jibqgħu ma jitħallsux skont il-liġi teskala l-azzjonijiet tagħha. Huwa obbligu ta’ min iħaddem biex iħallas lill-ħaddiema tiegħu skont il-liġi. It-Taqsima talbet lid-DIER sabiex tinvestiga s-sitwazzjoni u toħroġ rapport uffiċjali.
Il kumpanija li jhadmu nies li ma jtuhomx dak li huwa dovut bil ligi il gvern ghandu jaghmel li l kuntrattur ghandu jitlef il kuntrat u ma janata lebda kuntrat iehor.