Wednesday, July 24, 2024

Tim b’saħħtu ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsill Lokali

Aqra wkoll

“Għandna tim b’saħħtu ħafna ta’ kandidati, b’taħlita ta’ sindki u kunsilliera li għandhom ħafna esperjenza. Magħhom jingħaqdu kandidati ġodda, żgħażagħ u nies li huma ġejjin minn kull sfera tal-ħajja tas-soċjetà tagħna. Dan it-tim huwa l-aqwa għażla biex inkomplu nibnu fuq dak illi ksibna diġà.”

Dan qalu l-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt it-tnedija tal-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’Malta.

Dr Abela tenna li l-Partit Laburista għandu 381 kandidat għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali li kollha ressqu ’l quddiem biex jagħtu l-kontribut tagħhom biex ikomplu jtejbu l-lokalità li qed jikkontestaw fiha. Semma kif dawn il-kandidati ġejjin minn kull qasam tal-ħajja minn ħaddiema għal self-employed, professjonisti, pensjonanti, żgħażagħ, nisa, persuni li għandhom ħafna esperjenza f’kunsilli lokali u oħrajn ġodda.

“B’tim b’saħħtu ta’ kandidati għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali se naraw li fuq livell lokali nkomplu niksbu l-istess suċċess li tant jagħmel differenza għall-aħjar għal tant familji. Se jkollna manifest lokali għal kull lokalità iżda bi prinċipji ċari għal kullimkien, li permezz tagħhom qed inġeddu l-impenn tagħna għal kull lokalità b’sett ta’ ideat ċari ta’ dak li rridu nwettqu flimkien”, tenna Dr Abela.

Dr Abela sostna li l-Kunsilli kollha b’maġġoranza laburista u Kunsilliera tal-Partit Laburista se jkunu qegħdin jaħdmu b’sett ta’ miri li huwa wieħed ċar. Huwa elenka uħud mill-miri, fuq quddiem nett il-mira li ngħixu f’Malta u f’lokalitajiet b’ambjent isbaħ u aħjar, bi spazji pubbliċi li jkunu f’distanza ta’ mhux aktar minn 10 minuti mixi min fejn tgħix. Tenna wkoll li l-indafa pubblika hija prijorità għal-lokalitajiet.

Prijorità oħra li semma hija dik li l-iżvilupp fil-lokalitajiet ikun wieħed sostenibbli. F’dan ir-rigward Dr Abela semma kif Gvern laburista wera l-viżjoni tiegħu dwar dan meta f’Għawdex ġiet imnedija l-istrateġija ta’ Għawdex Gżira ta’ Villaġġi. Tenna li dan l-eżempju jista’ jiġi addattat għal Malta wkoll sabiex inħarsu l-karatteristiċi tal-ibliet u l-irħula u l-benesseri tar-residenti.

Dwar it-trasport, Dr Abela tenna li Kunsilliera tal-Partit Laburista se jkomplu jassiguraw li dan ikun aktar effiċjenti u aktar nadif. Semma li f’dan ir-rigward se jkomplu l-ħidma biex ikun hemm aktar rotot tat-trasport pubbliku, aktar infrastruttura għaċ-ċiklisti u iżjed infrastruttura li tkun conducive għall-elettrifikazzjoni tal-vetturi, kif ukoll biex ikun hemm investiment f’għodod ta’ soluzzjonijiet diġitali bħal smart parking.

Dr Abela tenna wkoll li l-Kunsilli Lokali huma kruċjali biex ikomplu jsaħħu s-servizzi li jingħataw fil-komunità. Se jaħdmu wkoll biex jiżguraw li l-anzjani jgawdu minn ħajja attiva fil-komunità.

Prijorità oħra hija dik li jiżguraw s-sigurtà fil-lokalità. Dr Abela semma t-titjib sinifikanti li kien hemm bl-introduzzjoni tal-community policing u tenna li se jkomplu jibnu fuq dan sabiex ikomplu jiġu rinnovati l-għases tal-pulizija u jkun hemm community support officers. “B’hekk ikollna komunitajiet aktar siguri u pulizija li tkun dejjem eqreb il-ħtiġijiet tan-nies”, tenna Dr Abela.

Dwar il-kultura, Dr Abela sostna li hemm bżonn li tkompli  tiġi ċċelebrata l-identità Maltija. Semma l-investiment qawwi li digà sar biex jiġu salvati għadd ta’ soċjetajiet kulturali. Kompla li għas-snin li ġejjin se jkomplu jsaħħu programm kulturali li jgħaqqad lill-komunità, se jkompli l-appoġġ lejn għaqdiet lokali u se jkompli wkoll ir-restawr fuq monumenti u siti storiċi.

“Dan il-Partit jibqa’ s-soluzzjoni biex il-Maltin u l-Għawdxin ikollhom is-saħħa fil-lokalitajiet tagħhom. Se naslu għax nemmnu u għandna fiduċja sħiħa f’pajjiżna. Se naslu għax iffukati li nibqgħu nagħmlu l-ġid għal-lokalitajiet Għawdxin u Maltin,” temm jgħid il-Prim Ministru Robert Abela.

Ekonomija

Sport