Wara kwazi tliet snin ta’ pandemija, ħafna mill-kampjonati ġew ikkanċellati, u sfortunatment l istudenti Maltin tilfu ħafna opportunitajiet.
Għall-grazzja t’Alla, kollox ġie għan-normal u t-timijiet Maltin qegħdin jirċievu stediniet biex jitilgħu barra minn xtutna, jipparteċipaw u jikkompetu f’livelli mondjali.
Din id-darba il-federazzjoni tal-WUMA (World United Martial Arts) se torganizza Kampjonati Mondjali ġewwa Argos il-Greċja. Il-Master Grieg George Andronikidis għaddej bi preparamenti ta’ loġistika wiesa’ fejn hu stmat li se jattendu madwar 400 atleta f’oqsma tal-arti marzjali differenti min pajjiżi bħall-Qatar, ir-Renju Unit, l-Italja, il-Greċja, u Spanja fost l-oħrajn.
It-Tim Malti se jieħu sehem fid-dixxiplina tal-kickboxing taħt il-gwida taċ-chief instructor Sensei Alan Borg, bl-għajnuna u d-dedikazzjoni tal-instructors l-oħra fil-club, Robert Cassar, Dorothy Tanti, David Debattista, Wayne Camilleri u Master Dale Hamilton. Is-sabih ta’ dan l-isport, huwa li tara l-għaqda bejn l-istudenti u l-instructors, fejn ilkoll jaħdmu flimkien biex isaħħu t-tim Malti. Għal dawn l-aħħar xahrejn, it-taħriġ baqa’ għaddej kontinwu u kuljum.
Bħala Team Malta, nixtiequ nirringrazzjaw lill-atleti nfushom tal-ħin u d-dedikazzjoni li qegħdin jagħtu, kultant bi sforz doppju, biex ilaħħqu mal-affarijiet akkademiċi tal-iskola.
Sensei Alan Borg xtaq jirringrazja lil-SportMalta, li huma ilhom membri tagħha għal żmien twil, u mhux inqas lill-Ministru tat-Turiżmu Onor. Clayton Bartolo, li jemmen fit-turiżmu sportiv għaż- żgħażagħ fejn kien ta’ għajnuna fil-parteċipazzjoni u xi għajnuniet finanzjarji.