Tim mid-Dipartiment tar-Responsabbiltà Soċjali tal-Futbol tal-Malta FA żar il-Libanu l-ġimgħa li għaddiet biex jipparteċipa f’serje ta’ avvenimenti mill-proġett Skills4Sports– inizjattiva ta’ inklużjoni tal-futbol appoġġjata mill-Unjoni Ewropea u l-ENI CBCMED (hub għall-kooperazzjoni fil-Mediterran).
Il-Malta FA hija waħda mill-imsieħba tal-proġett Skills4Sports li għandu l-għan li jżid l-impjegabbiltà tan-NEETs (żgħażagħ li la jistudjaw u lanqas jaħdmu) billi jindirizza d-distakk fil-ħiliet fis-settur tal-isport.
L-imsieħba ta’ Skills4Sports iddiskutew il-moduli tal-proġetti li ġejjin, fosthom is-sessjonijiet ta’ Sports Leadership and Management (SLAM) imfassla mid-Dipartiment tal-Malta FA FSR. Dawn il-moduli se jkunu parti minn sensiela ta’ inizjattivi edukattivi li se jkunu qed jittieħdu fix-xhur li ġejjin mill-Malta FA u l-imsieħba l-oħra ta’ Skills4Sports fl-Italja, il-Libanu, Spanja, il-Palestina u l-Greċja. Dawn se jkunu kkumplimentati minn sessjonijiet ta’ bini ta’ ħiliet fl-isport biex jiġu involuti żgħażagħ, nies qiegħda u studenti b’ħiliet potenzjali sportivi, li jħeġġuhom isegwu karriera relatata mal-isport lil hinn mill-qasam kompetittiv.
AVVENIMENTI TA’ OUTREACH U INKLUŻJONI F’BEIRUT
Matul iż-żjara tagħhom f’Beirut, it-tim tal-Malta FA FSR żar kamp tar-refuġjati u klabb tal-futbol Lebaniż biex imexxu sessjonijiet ta’ futbol u inklużjoni. “Iż-żjara fil-Kamp tar-Refuġjati ta’ Shatila kienet reality check għalina lkoll iżda wriet kif il-futbol jista’ jgħin mhux biss lir-refuġjati iżda lill-persuni kollha, speċjalment lit-tfal, li jgħixu f’sitwazzjonijiet diffiċli u vulnerabbli,” qal Peter Busuttil, li mexxa l-Malta FA, flimkien mal-kowċ Ray Farrugia u l-player Martina Borg.
“Li stajna nilħqu lil dawn in-nies u li naraw l-entużjażmu tat-tfal hekk kif lgħabna l-futbol f’dan il-kamp tar-refuġjati kienet esperjenza inkredibbli. Beħsiebna nirritornaw fil-kamp peress li l-impenn tagħna bħala Assoċjazzjoni huwa li nsaħħu l-proġetti tagħna ta’ responsabbiltà soċjali tal-futbol f’Malta u lil hinn.”
Valentina u Rachid, mill-NGO Taljana u sieħba ta’ Skills4Sports CISS Palermo (Cooperazione Internazionale Sud-Sud), intlaqtu wkoll mill-esperjenza. “Minbarra l-qerda, il-faqar u t-traskuraġni tad-drittijiet bażiċi tal-bniedem, dak li hu mfassal f’moħħna huma r-rieda, id-dinjità u l-entużjażmu li tħoss meta tidħol f’dan il-kamp. Ir-rieda tagħhom hija aktar b’saħħitha mill-barrieri,” ikkummentat Valentina.
Rachid, eks atleta li kkompeta fl-Olimpjadi ta’ Sydney tal-2000, qal: “Li nidħol f’post diffiċli bħal dan ġab miegħu ħafna emozzjonijiet imħallta u sens ta’ inġustizzja hekk kif esperjenzajna mill-viċin l-ispazji u t-taqbida ta’ kuljum ta’ dawn in-nies. biex iżommu ħajjin il-ħolm, it-tamiet u l-pożittività tagħhom.”
Għal aktar informazzjoni dwar l-inizjattivi u l-opportunitajiet ta’ Skills4Sports f’Malta, wieħed jista’ jibgħat imejl fuq [email protected].