Monday, May 13, 2024

Tim ta’ kandidati li jġib dejjem l-ewwel interess ta’ Malta

Aqra wkoll

“Is-saħħa lill-Maltin fl-istituzzjonijiet Ewropej, b’rappreżentanti li jaħdmu għalihom u f’isimhom. Hija din l-għajta li se tkun qiegħda tiggwida l-ħidma tagħna u l-kandidati li jiġu eletti f’isem il-Partit Laburista għall-ħames snin li ġejjin. Il-Maltin u l-benessere tagħhom se jkunu fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna. Għaliex għalina in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom jibqgħu l-prijorità u ċentru ta’ ħidmietna.”

Qal dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt it-tnedija tal-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Dr Abela spjega li din il-kandidatura ġġib flimkien numru ta’ nies minn diversi sferi tal-ħajja, minn professjonisti sa nies attivi fit-trejd unjoniżmu, nies li ħadmu fis-soċjal u oħrajn li taw servizz fuq livell tekniku fil-korp diplomatiku. Kompla li kwalità komuni li għandhom dawn il-kandidati hi li f’kull mument f’dak li għamlu ġabu u jġibu l-ewwel l-interess ta’ Malta u dan jagħmilhom l-aqwa għażla għall-poplu.

Dr Abela qal li l-kandidati li jiġu eletti f’isem il-Partit Laburista se jaħdmu sabiex l-interess nazzjonali jibqa’ jiġi salvagwardjat. Semma kif fl-aħħar snin rajna ħidma fuq livell Ewropew f’oqsma diversi u b’mod koordinat, biex jitwessgħu il-kompetenzi Ewropej. Tenna li għax pajjiżna kellhu l-kompetenza sħiħa f’oqsma bħad-difiża, is-sigurtà, is-saħħa, il-politika fiskali u t-tassazzjoni, li seta’ jaġġusta l-politika ta’ pajjiżna biex jaddatta għaċ-ċirkostanzi partikolari li żviluppaw f’dawn l-aħħar snin u b’hekk setgħu jittieħdu miżuri biex jiġu salvagwardjati l-impjiegi, jiġi assigurat li l-ekonomija tagħna tibqa’ kompetittiva u li x-xogħol jibqa’ jiżdied.

“Għaliex kellna l-flessibiltà li naġixxu f’dan is-sens li l-ekonomija tagħna baqgħet tikber b’ritmu mgħaġġel u llum hija fost l-iktar b’saħħithom fl-Unjoni Ewropea,” tenna Dr Abela u kompla li l-Ewro Parlamentari tal-Partit Laburista se jibqgħu jżommu sod biex pajjiżna jibqa’ jsostni lill-familji u joffri stabbiltà.

Dr Abela semma wkoll temi li ser ikunu kruċjali fid-dibattitu fuq livell Ewropew fis-snin li ġejjin, li jinkludu l-konnettività, il-kummerċ, is-suq waħdieni li għandu jkun wieħed ġust mal-Istati Membri kollha u t-tkabbir tal-Unjoni Ewropea. Dwar il-konnettività saħaq li bħala stat membru gżira niddependu mill-konnettività bl-ajru u bil-baħar u għalhekk il-membri tal-Partit Laburista fil-Parlament Ewropew se jsegwu mill-qrib din it-tema kruċjali. Tema oħra hija dik tal-paċi u n-newtralità, fejn pajjiżna se jibqa’ jitkellem b’mod attiv biex nippromwovu l-paċi filwaqt li nenfasizzaw li tibqa’ tiġi salvagwardjata l-kostituzzjoni tagħna.

Dr Abela sostna li waqt din il-kampanja elettorali se jiġi ppreżentat manifest li se jkun qed jelabora f’aktar detall temi li l-kandidati li jiġu eletti f’isem il-Partit Laburista se jaħdmu fuqhom bi prijorità fil-ħames snin li ġejjin.

“Nagħlaq bl-iktar prinċipju importanti. Fi Brussell aħna mmorru għal Malta, immorru biex nitkellmu u naġixxu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin,” temm jgħid il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport