Sunday, November 24, 2024

Timijiet tal-futbol se jingħataw €10,000 għal kull stadju fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni ta’ kompetizzjonijiet Ewropej

Aqra wkoll

F’dawn l-aħħar snin VisitMalta appoġjat lit-timijiet tal-futbol lokali li jieħdu sehem fil-kompetizzjonijiet uffiċjali tal-UEFA permezz ta’ inċentiv finanzjarju ta’ €10,000. Għal din is-sena, l-inċentiv ser jiżdied hekk kif kull tim individwali għandu l-potenzjal li jibbenefika minn €10,000 oħra għal kull stadju li javvanza fil-kompetizzjoni rispettiva.

It-timijiet li ser jikkompetu huma Ħamrun Spartans Football Club fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League, Birkirkara Football Club, Gżira United Football Club u Balzan Youths Football Club fil-fażi ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa Conference League kif ukoll it-tim tan-nisa ta’ Birkirkara fil-UEFA Women Champions League.

It-timijiet imsemmija ser ikollhom il-brand VisitMalta fuq il-kit li ser jilagħbu bih fil-kompetizzjonijiet tal-UEFA.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo fil-preżenza tal-uffiċjali tal-klabbs rispettivi.

Il-Ministru Clayton Bartolo rrimarka kif iż-żieda fl-inċentiv għat-timijiet lokali li ser jikkompetu fit-turnej tal-UEFA huwa turija ċara ta’ kemm bħala pajjiż m’hemm xejn li jwaqqafna milli nagħmlu iżjed suċċessi fid-dinja sportiva.

“Iċ-ċokon ġeografiku m’għandu qatt ikun ħajt għal aspirazzjonijiet tal-isport Malti. Anzi għandna nkunu iżjed proattivi biex ninċentivaw iżjed azjendi sportivi li jmorru barra minn xtutna jirreklamaw il-pajjiżna u fuq kollox jiksbu s-suċċess mixtieq,” temm jgħid il-Ministru Clayton Bartolo.

Sport