Mara ta’ 21 sena residenti l-Fgura weġġgħet gravi wara li kienet involuta f’inċident tat-traffiku.
Dan seħħ illum, għall-ħabta tas-1.00a.m., fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid.
Minn investigazzjoni preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn Mercedes Benz misjuqa minn raġel ta’ 46 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u Renault Clio misjuqa mill-mara.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu.
Il-mara ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-kura, fejn iżjed tard ġiet iċċertifikata li weġġgħet gravi, filwaqt li r-raġel ittieħed għall-kura ġewwa Ċentru tas-Saħħa.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.