Sunday, September 7, 2025

TINDIF ETNIKU F’GAŻA … ĠURNALIŻMU TAĦT ATTAKK MINN IŻRAEL

Aqra wkoll

Fl-aħħar jiem komplejna naraw xeni xokkanti ta’ imwiet f’Gaża. Rajna l-attakk u tiġrif ta’ bini għoli fil-belt ta’ Gaża. L-attakki fuq din il-belt mistennija jeskalaw fil-jiem li ġejjin. Waqt li qiegħed isir dan, toħroġ l-aħbar li mindu bdew l-attakki Iżraeljani fuq Gaża mietu b’kollox 64,000 persuna, ħafna minnhom nisa u tfal.

Ix-xahar ta’ Awwissu tqies bħala wieħed mill-agħar għall-ġurnalisti u dan hekk kif matul dan ix-xahar mietu 15-il ġurnalist minħabba attakki minn Iżrael. U waqt li qegħdin naraw dawn l-imwiet kollha, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea siktin. Indifferenti lejn dak li qiegħed jiġri.

Jistgħu jagħmlu ħafna biex dan il-kunflitt jieqaf. Minkejja dan qegħdin jagħżlu li ma jagħmlu xejn. U dan ifisser, li Iżrael jista’ jkompli għaddej b’dak li qiegħed iwettaq. Il-vittmi dejjem ikunu persuni ċivili, prinċipalment nisa u tfal. Wieħed ma jistax ma jirrimarkax kif l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea waqt li qegħdin jagħżlu li jagħlqu għajnejhom u jdawwru wiċċhom naħa oħra għal dak li qiegħed jagħmel il-Gvern ta’ Netanyahu, f’kunflitti oħra aġixxew b’mod totalment differenti.

Wieħed jista’ jħares lejn il-kunflitt fl-Ukrajna fejn l-Unjoni Ewropea, b’mod immedjat intefgħet man-naħa Ukrena, bdiet tgħin finanzjarjament u anke b’armi mill-pajjiżi membri. Mhux biss imma anke imponiet sanzjonijiet fuq ir-Russja. L-Istati Uniti fil-każ ta’ kunflitti oħra ma ħasbithiex darbtejn biex taġixxi u timponi sanzjonijiet.

Dawn huma sanzjonijiet li aktar iva milli le ibatu minnhom il-popli ċivili. Ibatu nies innoċenti li ma jkollhom x’jaħtu xejn għall-kunflitt li jkun għaddej. Proprju ftit jiem ilu inħarġet riċerka, li tat stampa parzjali. Ir-riċerka tmexxiet mill-ekonomista Francisco Rodriguez mill-Università ta’ Denver u stħarrġet id-differenza bejn l-ammont ta’ imwiet f’perjodu partikolari f’pajjiż partikolari u l-istima tan-numru ta’ imwiet li kien mistenni f’dak il-perjodu.

Ir-riżultat jixxukkjal. Bejn is-sena 1970 u s-sena 2021 sanzjonijiet imposti mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea huma assoċjati ma’ 38 miljun mewt. Minn din ir-riċerka ġie stabbilit li l-ammont ta’ nies li jinqatlu bis-sanzjonijiet kull sena hu akbar minn kemm nies jinqatlu b’mod dirett f’kunflitt. Aktar minn nofs il-vittmi tas-sanzjonijiet ikunu tfal u anzjani u persuni vulnerabbli.

U waqt li l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea jibqgħu siktin u indifferenti, il-gvern ta’ Netanyahu jara dan bħala opportunità biex jibqa’ għaddej bit-tindif etniku f’Gaża. Tindif etniku li llum jidher ċar ħafna. Żoni sħaħ f’Gaża litteralment inqerdu, waqt li l-attakki jsiru fuq kollox – żoni ċivili, sptarijiet, skejjel, kampjiet tar-refuġjati u saħansitra anke fil-postijiet fejn ir-residenti ta’ Gaża imorru jiġbru l-ikel.

U f’dawn l-attakki mill-Gvern ta’ Netanyahu mhux biss rajna imblokk ta’ ikel u għajnuna umanitarja lejn Gaża, li din wasslet biex il-ġuħ intuża bħala arma tal-gwerra, iżda rajna ukoll lil istess awtoritajiet Iżraeljani jipprojbixxi lill-ġurnalisti milli jidħlu fit-territorju Palestinjan. Ovvjament dan sar bi skop.

Biex dak li twettaq ma jasalx għand popli oħra madwar id-dinja. Ma’ dawn rajna l-qtil ta’ għadd kbir ta’ ġurnalisti Palestinjani. Prattikament qegħdin naraw lil Iżrael jeqred il-libertà tal-istampa, bi ftit reazzjoni mill-Istati Uniti jew mill-Unjoni Ewropea. Qegħdin naraw kif l-attakki tal-Gvern ta’ Netanyahu, fost il-vittmi tagħha hemm ukoll il-libertà tal-informazzjoni. Għal kważi sentejn, l-awtoritajiet Iżraeljani pprojbixxew lill-istampa milli tidħol f’Gaża.

Deċiżjoni inaċċettabbli. Deċiżjoni li qiegħda ċċaħħad lill-popli mill-informazzjoni ta’ qed jiġri f’Gaża. Ngħidu bla tlaqlieq li xejn ma jiġġustifika imblokk ta’ informazzjoni bħal dan. Id-dritt għall-informazzjoni jinsab attakkat u mhedded imma l-Unjoni Ewropea u anke l-Istati Uniti, li t-tnejn li huma tant jiftaħru b’dan id-dritt, qegħdin jibqgħu siekta.

Id-domanda hi sempliċi, dan id-dritt fundamentali ma jibqgħax dritt, jekk ikun taħt attakk f’art Palestinjana? M’għandhom dritt il-popli madwar id-dinja ikunu jafu x’qed jiġri jew x’ġara f’Gaża? Nistaqsu dan għax l-Unjoni Ewropea u pajjiżi tagħha baqgħu siktin ukoll quddiem dan.

Tajjeb infakkru li l-ftehim ta’ sħubija kummerċjali ta’ l-Unjoni Ewropea ma’ Iżrael jitlob b’mod espliċitu ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem – kundizzjoni essenzjali f’dan il-ftehim. Biss minkejja li qegħdin naraw dan id-dritt tal-libertà tal-istampa jinkiser sfaċċatament, l-Unjoni Ewropea tibqa’ gallarija.

Ma nkunux qegħdin niżbaljaw jekk ngħidu li dan aktarx li hu l-aktar kunflitt li fih mietu ġurnalisti. Hu kkalkulat li sa issa mietu 200 ġurnalist. Kien proprju għalhekk li nhar it-Tnejn ingħaqadna ma’ għadd kbir ta’ ġurnali oħra madwar id-dinja u pparteċipajna f’messaġġ favur il-libertà tal-istampa.

Il-messaġġ kien ċar ħafna – il-protezzjoni tal-ġurnalisti fix-xogħol tagħhom, irrispettivament minn liema mezz tax-xandir jimpjegahom, u l-ftuħ ta’ Gaża għall-istampa internazzjonali. Nittamaw li dan il-messaġġ jasal fejn għandu jasal.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport