Sunday, May 18, 2025

Tindif etniku f’Gaża… id-dinja hemm bżonn li tqum u tieħu azzjoni

Aqra wkoll

Ilna għal dawn l-aħħar 19-il xahar naraw ritratti xokkanti minn Gaża. Nies mirdumin. Tfal imbiċċra. Ritratti ma jaqtgħu xejn ta’ katavri, wieħed ħdejn l-ieħor. Xeni ta’ qerda totali mill-bombi.  Dawk li qabel kienu żoni residenzjali llum spiċċaw borġ ġebel.  U għal dawn l-aħħar xahrejn rain imblokk minn Iżrael li qed iżomm milli inel u provvisti oħra jaslu u jidħlu f’Gaża. U donnu dan ma kienx biżżejjed. 

Komplew l-attakki.  Ritratt xokkanti għaddieh il-kittieb magħruf Moab Abu Toha. Żewġ persuni qegħdin  jevakwaw minn djarhom u ħadu magħhom xi provvisti ta’ ikel. Kien kollu għalxejn li ħadu l-ikel. Spiċċaw maqtulin. Fl-aħħar jumejn biss inqatlu xejn inqas minn 250 persuna. Katastrofi umana li dwarha jeżisti skiet totali mill-Unjoni Ewropea. Il-parti l-kbira tal-pajjiżi Ewropej baqgħu ukoll siktin dwar din il-katastrofi u ma smajna l-ebda kundanna. Għażlu it-triq li jinjoraw. Li ma jitkellmux. Għażlu din it-triq fil-konfront tal-Palestinjani. It-triq tal-indifferenza meta dwar kunflitt ieħor imdemmi, imxew totalment il-kontra.

Imma issa wara 19-il xahar ta’ kunflitt, qegħdin naraw kif il-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu qiegħed jipprepara biex ikompli jeskala l-offensiva ta’ Iżrael f’Gaża. L-aħħar pjan tiegħu hui li Iżrael jibda it-triq għal okkupazzjoni sħiħa tat-territorju Palestinjan. 

Ma’ dan għandek l-imblokk minn Iżrael fuq ikel u provvisti. Imblokk li litteralment qiegħed joqtol lill-Palestinjani bil-ġuħ, waqt li oħrajn spiċċaw mingħajr provvisti ta’ prodotti bażiċi. Ir-rati ta’ malnutrizzjoni fit-tfal qed jiżdiedu, il-ftit sptarijiet li jiffunzjonaw qed jispiċċawlhom il-mediċini, u t-twissijiet dwar il-ġuħ u l-mard qed isiru aktar qawwija.

Il-pjan li jokkupa t-territorju Palestinjan se tkun qed tfisser ħaġa waħda:  aktar bumbardamenti u l-qerda ta’ ftit strutturi li fadal f’Gaża.

M’hemm ebda dubju li pjan għall-okkupazzjoni ta’ Gaża se jkun ifisser diżastru sħiħ għal aktar minn 2 miljun persuna li jgħixu f’Gaża. Dawn diġa ilhom għaddejja minn tbatija indeskribbli.  Kull offensiva ġdida tagħmilha aktar diffiċli għall-Palestinjani. U hawn tqum il-mistoqsija dwar dawn il-pjani u x’inhu l-għan aħħar tagħhom. Minkejja l-iskużi u l-argumenti li jinġabu, kollox jindika li l-pjan ta’ Netanyahu hu li Gaża tkun inabitabbli. Li l-Palestinjani jitkeċċew minn arthom. 

U waqt li għaddejja din il-katastrofi umana, katastrofi li issa ilha għaddejja għal 19-il xahar, il-pajjiżi tal-Punent, fosthom l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea baqgħu siktin u ma lissnu ebda kundanna.  Skiet totali. Skiet li jippermetti li Netanyahu jkompli għaddej bil-pjani tiegħu.

Anki fuq l-imblokk ta’ ikel u provvisti, tista’ tgħid ebda kundanni. Instemgħu xi dikjarazzjonijiet qosra ‘lhawn u l-hemm u wara skiet u għalhekk malajr tibda tissuspetta li dak li ntqal kien biss għal konvenjenza.

Ma nistgħux ma nistaqsux x’mexxejja huma dawn li hawn illum? Kif jaraw din it-tbatija kollha, dawk il-persuni ċivili kollha jinqatlu bla ħtija, u jibqgħu siktin. Kif tista’ tibqa’ sieket quddiem dawn l-atroċitajiet? Kif tista’ toħroġ b’dikjarazzjoni dgħajfa u bla saħħa dwar dak li qed isir. Kif id-dinja mhix kapaċi twaqqaf din l-aggressjoni fuq persuni ċivili.

Għax ejja ngħiduha kif inhi, anke fejn jidħlu il-Ħamas hu ċar ħafna li b’dak li għamlu u qegħdin jagħmlu huma qegħdin jissagrifikaw il-ħajjiet tal-poplu Palestinjan.

Ma ninsewx minn mind beda dan il-kunflitt xejn inqas minn 52,000  persuna f’Gaża inqatlu. Kien hemm xaqq ta’ dawl proprju f’Jannar ta’ din is-sena meta kien intlaħaq ftehim għal waqfien mill-ġlied.

Is-sitwazzjoni ma damitx ma marret lura, bil-President Amerikan iħabbar il-ħsieb immorali tiegħu, li l-Istati Uniti tieħu Gażaa u tibdilha f’Riviera. Xi jfisser dan? Fi kliem sempliċi ifisser d-deportazzjoni bil-forza ta’ aktar minn żewġ miljun Palestinjan minn arthom u minn dak li fadal minn djarhom. Dan mhu xejn għajr tindif etniku. Dan it-tindif etniku hu l-akbar wieħed mit-Tieni Gwerra Dinjija ‘l hawn.

Nemmnu li wasal iż-żmien li d-dinja tqum għal dak li qed jiġri u titlob tmiem għat-tbatija tal-Palestinjani. Il-Punent ma jistax jibqa’ idawwar wiċċu banda oħra. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport