Sunday, September 28, 2025

Tindif etniku u t-tkissir tal-Awtorità Palestinjana b’arma ekonomika

Aqra wkoll

Proprju fl-aħħar sigħat seħħew għadd ta’ żviluppi fejn jidħlu l-attakki u l-kriżi umana f’Gaża.  Rajna kif komplew l-attakki fuq Gaża b’aktar vittmi fosthom tfal. Is-sitwazzjoni saret kritika tant li organizazzjonijiet bħal Médecins Sans Frontières ħabbru li kellhom jissospendu l-ħidma tagħhom minħabba kwistjoni ta’ sigurtà. Waqt li kien għaddew dan, fi New York, seħħ dak mistenni waqt li l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu indirizza l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.  Fil-ħin li kien se jitkellem, għadd kbir ta’ delegati telqu ‘l barra bi protesta fost tisfir. 

Fid-diskors tiegħu smajna l-istess retorika li ilna nisimgħu. Iċ-ċaħda li  Iżrael kien qed jattakka lin-nies ċivili. Fi kliemu stess Iżrael tefa’ miljuni ta’ leaflets u bagħat miljuni ta’ SMSs lin-nies ċivili biex iħallu l-Belt ta’ Gaża. Smajna l-akkużi li ilhom isiru li l-Ħamas, li fil-bidu tat-twaqqif tagħhom kienu appoġġjati mill-istess Iżrael kontra l-Awtorità għal Libertà tal-Palestina (PLO), kienu qegħdin jużaw il-moskei, skejjel, sptarijiet u appartamenti biex joqgħodu fihom u li qed jisfurzaw lin-nies jibqgħu fl-istess bini. Wieġeb għall-akkużi ta’ ġenoċidju billi qal li pajjiż li jikkommetti ġenoċidju ma jgħidx lil ħaddieħor biex jaħrab u staqsa jekk in-Nażisti staqsewx lil-Lhud biex jitilqu.

Dwar in-nuqqas ta’ ikel f’Gaża huwa akkuża lill-Ħamas li kien qed jisraq l-ikel biex iżommu għalih u jbiegħu.

Kien diskors li ħadd ma ried jisimgħu. Ħadd ma ried jisimgħu għax issa id-dinja xebgħet tara dawk ir-ritratti ta’ tfal imbiċċra. Imqattgħin mill-isplużjonijiet, Mirdumin taħt il-bini. Xebgħet tara tfal u nies oħra litteralment biċċiet. Xebgħet tara attakki fuq stparijiet, skejjel, kampjiet tar-refuġjati u djar residenzjali. Fuq kollox id-dinja llum hi konxja ta’ kif kienet Gaża u kif inhi llum. Illum Gaża hi borġ ġebel. Kull fejn tara bini imwaqqa’. Żoni sħaħ li kienu popolati u mimlijin ħajja, spiċċaw tifrik. 

Dan kollu sar u qiegħed isir bil-barka tal-Istati Uniti. Soluzzjoni għal din il-kriżi umana kien hemm. Imma kulħadd baqa’ gallarija. Iħares u jinjora u llum għandna din is-sitwazzjoni ta’ kriżi umanitarja. Kriżi bħal din tinħtieġ azzjonijiet li jaqtgħu fil-laħam il-ħaj. Sanzjonijiet. Is-sospensjoni ta’ ftehim ta’ kummerċ li jeżistu fosthom dak bejn l-Unjoni Ewropea u l-istess Iżrael. Hu b’dan il-mod li ssir pressjoni fuq Netanyahu, li f’pajjiżu għandu oppożizzjoni għal dak li qiegħed iwettaq, biex jieqfu dawn l-attakki. L-appoġġ tal-Istati Uniti lil Iżrael ikompli jagħti aktar nar biet il-kunflitt jitkompla.

Dak li twettaq f’Gaża ma kinux sempliċi attakki. Hi kampanja ta’ tindif etniku. Aktar m’għadda żmien aktar ħarġet biċ-ċar. U wara dikjarazzjonijiet biex il-Palestinjani jitilqu, jew li jingħataw post ieħor, issa qegħdin naraw b’mod ċar ħafna kif Netanyahu qiegħed jipprova jeqred għal kollox l-ekonomija Palestinjana.  Rajnieh juża l-ġuħ bħala arma tal-gwerra.  Issa qegħdin naraw lill-istess Netanyahu jagħmel dak kollu li jista’ biex jipprevjeni l-possibbiltà ta’ kwalunkwe Stat Palestinjan fil-futur. Issa qegħdin narawh jagħmel dan billi jattakka l-qasam finanzjarju.  Dan qiegħed isir  bil-pjani ta’ azzjonijiet u miżuri maħsubin biex ifissru għal kollox l-Awtorità Palestinjana.

Filfatt kien biss ftit ġimgħat ilu, li  Iżrael approva pjan elaborat ta’ insedjament li jaqsam ix-Xatt tal-Punent fi tnejn. Minn Ottubru tas-sena 2023 Netanyahu tefa’ lill-Awtorità Palestinjana fi kriżi ekonomika billi żamm madwar $2 biljun  fi flus tad-dwana Palestinjana.  Ma’ dan hemm sitwazzjoni oħra u din tinvolvi l-fatt li kull sena l-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan iġedded proċedura li permezz tagħha il-banek Iżraeljani jaċċettaw trasferimenti ta’ flus mingħand il-Palestinjani fix-Xatt tal-Punent. Din il-proċedura, hi intiża biex tipproteġi l-banek Iżraeljani mil-liġijiet kontra t-terroriżmu. 

Issa quddiem l-aħħar żviluppi, qegħdin nisimgħu bit-theddida li tkun revokata din il-proċedura.  Theddida minn Iżrael, hekk kif qiegħda ċċaqċaq sew minn għadd ta’ pajjiżi il-possibilità ta’ sanzjonijiet. Pass bħal dan minn Iżrael ikun ifisser il-kollass totali tas-settur bankarju Palestinjan. Ma’ dan, ovvjament hemm il-possibilità li tinżel l-Awtorità Palestinjana bħala entità politika. Din hi gwerra ekonomika, li issa Iżrael qed jhedded li jirrikorri għaliha.  Biex wieħed jifhem il-gravità tas-sitwazzjoni, irid iżomm f’moħħu li kważi kull tranżazzjoni ekonomika li jagħmlu l-Palestinjani trid tgħaddi minn Iżrael. 

Kollox juri li din hi parti oħra fl-istrateġija kontra l-Palestinjani. Rajna l-attakki li qatlu aktar minn 65,000 persuna. Rajna żoni sħaħ jinkinsu. Rajna l-arma tal-ġuħ u issa l-arma ekonomika biex magħha tikkollassa l-Awtoritá Palestinjana.

Quddiem dan wieħed irid jistenna biex jara x’se tkun ir-reazzjoni ta’ għadd ta’ pajjiżi. Se jibqgħu marbutin biss ma’ dikjarazzjonijiet jew se jirrikorru għal azzjonijiet effettivi?  

U għal darba oħra toħroġ id-differenza kbira dwar iż-żewġ kunflitti li għaddejjin fid-dinja. L-invażjoni Russa fl-Ukrajna u l-attakki f’Gaża. Kemm Putin u kémm Netanyahu għandhom ‘arrest warrant’ mill-Qorti Kriminali Internazzjonali.

U hawn naraw kif il-President Russu  ma setax jagħmel diskors fl-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti minħabba l-‘arrest warrant’ imma fl-istess ħin Netanyahu li ukoll għandu ‘arrest warrant’  għamel id-diskors tiegħu. Ovvjament seta’ jagħmel dan għax hemm l-appoġġ inkundizzjonat tal-Istati Uniti. Seta’ jinżel liberament fl-Istati Uniti.

Biex Netanyahu seta’ jmur l-Istati Uniti uża rotta itwal. L-Italja  ħalliet l-ajruplan jgħaddi mill-ispazju tagħha. Franza, Spanja u l-Portugal kollha huma firmatarji tal-Istatut tal-Qorti Kriminali Internazzjonali u għalhekk huma legalment marbutin li jarrestaw lil Netanyahu jekk ikun f’arthom. Hemm argumenti sħaħ  jekk il-militar ta’ pajjiż jistax jisforza ajruplan jinżel f’artu. F’każ li l-ajruplan jagħmel inżul ta’ emerġenza, hemmhekk il-każ hu ħafna aktar ċar.

Rajna imbagħad fil-kuntrast fejn il-Prim Ministru Taljan Meloni ma tagħmel ebda protesta f’wiċċ Netanyahu fl-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti.  Dan spikka sew wara li rajna dak li għamlu għadd kbir ta’ delegazzjonijiet, fosthom il-mod kif aġixxa il-Prim Ministru Spanjol, Pedro Sánchez li ħareġ ‘lbarra mis-sala kif Netanyahu beda jitkellem.

U issa wara din l-Assemblea Ġenerali, wara dak li intqal x’se nistennew? X’se jiġri?  Kienu diskors li diġa intesew?  U waqt li nistennew x’se jiġri, f’Gaża l-imwiet ikomplu jiżdiedu. Ikompli l-massakru. Tkompli l-kriżi umanitarja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport