Tuesday, December 24, 2024

Tinfetaħ Apotheosis, esibizzjoni ta’ arti kontemporanja ta’ Darren Tanti

Aqra wkoll

L-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta bi pjaċir ħabbret il-ftuħ tal-esibizzjoni kontemporanja ta’ Darren Tanti Apotheosis. Magħruf għax-xogħlijiet tiegħu maħdumin b’teknika mill-aqwa u b’temi differenti u b’saħħithom, f’din l-esibizzjoni Darren Tanti jisfida n-normi artistiċi permezz ta’ xogħol ibridu li jgħaqqad il-forom moderni tal-arti mal-estetika tradizzjonali u reliġjuża.

Apotheosis se tkun miftuħa għall-pubbliku mit-2 ta’ Diċembru sad-9 ta’ Jannar 2024, fl-Oratorji tal-Knisja tal-Ġiżwiti, Triq l-Arċisqof, il-Belt Valletta.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Catherine Tabone qalet li f’din l-esibizzjoni, id-divin u l-uman jingħaqdu flimkien fl-utopja tas-sagrament, fejn qed jiġi offrut spazju biex inġeddu lilna nfusna permezz tas-sbuħija tal-arti. Wara dan l-isforz ħabrieki hemm aspirazzjoni lejn it-tagħlim u l-konnoxxenza mill-qrib tal-għerf akkumulat tal-passat.

Il-kuratriċi ta’ din l-esibizzjoni Melanie Erixon sostniet, li t-terminu ‘apotheosis’ jew ‘apoteożi’ li huwa konness b’mod dirett mad-divinizzazzjoni tal-bniedem, huwa l-qofol ta’ dan ix-xogħol hekk kif Tanti jieħu ispirazzjoni mill-mitoloġija Griega u mill-fidi Kattolika. Bl-użu ta’ narrattiva sfumata, l-artist qed iħeġġeġ lil dawk kollha li se jiġu jaraw dan ix-xogħol biex jikkontemplaw fuq il-proċess li jgħaddi minnu l-bniedem biex jilħaq id-divinità u ma jibqax marbut mar-restrizzjonijiet tad-dinja.

Tanti qed jindirizza dan is-suġġett mill-perspettiva Kattolika Rumana kontemporanja għal żewġ raġunijiet, u dawn jipprovdu kuntesti importanti sabiex wieħed ikun jista’ jifhem aħjar dawn ix-xogħlijiet artistiċi. L-ewwel u qabel kollox, l-artist huwa verament devot u jipprattika b’mod attiv ir-reliġjon Kattolika. It-tieni, din il-wirja hija konnessa b’mod dirett mas-sit, fejn tfasslet apposta għaż-żewġ oratorji li jiffurmaw parti mill-kumpless tal-knisja tal-Ġiżwiti. Fiha l-artist qed jgħaqqad il-lingwaġġ tax-xogħol tiegħu mal-lingwaġġ tax-xogħol aktar klassiku li jinsab f’dawn l-ispazji spiritwali.

F’din l-esperjenza fejn wieħed jintilef fil-kontemplazzjoni, Tanti jikkonfronta wkoll sfidi globali bħall-isfruttament tar-riżorsi, it-tqassim inugwali tal-ġid, il-gwerer, il-ġuħ, u l-abbuż tal-poter. Dawn kollha jġiegħlu lil dak li jkun biex jirrifletti fuq il-vjaġġ kollettiv tal-umanità u jmissulu b’mod profond is-sentimenti tiegħu fid-dawl ta’ dawn iż-żminijiet diffiċli ta’ gwerer u ġuħ li d-dinja għaddejja minnhom.

Magħruf l-aktar għall-ħila iperrealista tiegħu, f’Apotheosis Tanti jibdel totalment l-approċċ artistiku tiegħu. Fejn is-soltu kien jagħmel xogħlijiet bidimensjonali, f‘din il-wirja għażel li jesibixxi primarjament skulturi u objet d’art, fejn jinkorpora elementi mhux konvenzjonali bħal tubi tan-neon u perspex. Din il-bidla fl-approċċ tal-artist qed tissarraf f’wirja koeżiva ta’ installazzjonijiet individwali li bla ebda xkiel jgħaqqdu l-ħsieb kontemporanju mal-arti reliġjuża tradizzjonali, b’elementi Pop sottili.

Imwieled fl-1987, Darren Tanti, ħalla impatt sostanzjali fid-dinja tal-arti Maltija. Il-preżenza internazzjonali tiegħu tinkludi fost l-oħrajn il-parteċipazzjoni notevoli fil-Biennale tal-Arti f’Venezja (2017) u fil-Biennale Ostrale (2019). L-esibizzjoni artistika ta’ Tanti bl-isem ta’ Inaction is a Weapon of Mass Destruction li ttellgħet fl-2022 kienet intlaqgħet tajjeb ħafna u kienu bosta dawk li faħħruha għas-sens ta’ kobor u l-impatt tagħha.

Apotheosis qed tittella’ fl-Oratorji tal-Knisja tal-Ġiżwiti, fil-Belt Valletta, u qed tiġi organizzata mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta b’kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni tal-Knisja tal-Ġiżwiti.

Għal aktar informazzjoni żur il-websajt tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u l-paġna tagħha fuq Facebook.

Ekonomija

Sport