Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li llum, Triq Patri Ġiaċintu Camenzuli, li ser tkun parti mill-bypass għal Triq Marsalforn, ser tinfetaħ għall-pubbliku wara li matul dawn l-aħħar ġimgħat sar ħafna xogħol fuqha.
Dan il-proġett infrastrutturali maġġuri f’Għawdex, ser jassigura li l-aċċess minn u lejn il-bajja popolari ta’ Marsalforn mhux biss jitjieb imma jitnaqqas ukoll il-volum tat-traffiku mill-qalba tal-Belt Victoria.
Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li “matul dawn il-jumejn, ingħata aktar minn 3,000 metru kwadru ta’ tarmak f’dan is-sit biex b’hekk, mil-lum, kull min ser imur lejn Marsalforn jista’ jibda jagħmel użu minn din it-triq.”
Apparti x-xogħol ta’ tarmak, din it-triq inbniet mill-ġdid fejn issaħħet il-bażi tagħha u ġew mgħoddija s-servizzi kollha mill-ġdid, inkluż culvert għas-servizzi. Inbniet ukoll sistema ta’ rain water culverts biex l-ilma tax-xita jinġabar u eventwalment ikun trasferit lejn il-Wied tal-Kapuċċini, wied li hu mdawwar b’raba agrikolu.
Dan il-proġett qed isir fi sfond li l-ambjent tat-triq, assoċjat ma’ din il-parti tal-gżira, jibqa’ kemm jista’ jkun intatt. Dan wara diversi diskussjonijiet li saru mal-entitajiet u mal-partijiet ikkonċernati, inklużi għaqdiet ambjentali.
Il-ħidma fuq dan il-proġett ser tissokta u tintensifika fil-jiem li ġejjin.