Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri ħabbar li bħala parti mill-proġett estensiv tar-rikostruzzjoni ta’ Triq Marsalforn, din il-ġimgħa nfetħet għall-ewwel darba l-bypass Ġorġ Pisani, b’tul ta’ nofs kilometru, li bdiet tilqa’ t-traffiku lejn Marsalforn mingħajr il-ħtieġa li wieħed jgħaddi miċ-ċentru tar-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Camilleri spjega li x-xogħol fuq “Il-bypass Ġorġ Pisani kien jinkludi l-formazzjoni tat-triq għall-ewwel darba kif kienet skedata, kostruzzjoni mill-qiegħ tal-istess triq inklużi s-servizzi kollha ġodda tad-dawl, ilma u drenaġġ u storm water culvert kompletament ġdid. Barra minn hekk, sar ukoll pont li jgħaddi minn fuq il-wied magħruf ta’ Karawendi filwaqt li barriera li nstabet waqt ix-xogħlijiet, ġiet preservata u konvertita f’ġibjun għall-ġbir tal-ilma tax-xita.”
Huwa kompla jispjega li sar upgrade totali tal-junction fejn il-Knisja tal-Kapuċċini u tlestew ukoll bankini u green areas ġodda biex tinħoloq sens ta’ pjazzetta quddiem l-istess knisja.
Din il-bypass issegwi l-inizjattivi li ttieħdu diġà fil-periferiji tal-Belt Victoria sabiex jittaffa t-traffiku b’toroq alternattivi li jħaffu l-flow tat-traffiku. Fosthom, aktar kmieni din is-sena, tlestew Triq l-Imgħallem u t-Triq ta’ wara s-Sur b’junction ġdida li eliminat il-bottleneck u naqqset it-traffiku miċ-ċentru b’mod partikolari għat-traffiku li ġej u sejjer miż-Żebbuġ, l-Għarb, San Lawrenz u l-Għasri.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri temm jgħid li permezz tal-ftuħ parzjali tal-bypass Ġorġ Pisani, preżentament it-traffiku lejn Marsalforn ser jiġi assorbit minnha filwaqt li hekk kif tiftaħ imbagħad it-Triq ta’ Marsalforn, din il-bypass tibda tieħu t-traffiku kollu li jgħaddi miċ-ċentru.

