Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar li nfetħet il-Medical High Dependency Unit (HDU) fl-Isptar Mater Dei. Din hija faċilità b’għaxar sodod li hija maħsuba għal pazjenti b’mard sever li jeħtieġu monitoraġġ aktar mill-qrib u livell għoli ta’ kura minn dak provdut f’sala standard, iżda li għadhom ma jeħtiġux ventilazzjoni mekkanika invażiva jew appoġġ intensiv għall-ħajja fl-ITU.
Il-Ministru Jo Etienne Abela spjega kif it-tim mediku li ser ikun qed imexxi din is-sala, għaddew minn taħriġ speċjalizzat biex ikunu jistgħu jimmaniġġjaw il-kumplessitajiet assoċjati ma’ mard serju li tipikament jiltaqgħu miegħu pazjenti rikoverati f’din is-sala.
Dr Abela kompla jispjega li wara l-istabbilizzazzjoni inizjali ta’ dawn il-pazjenti fis-swali ġenerali, l-HDU Medika tipprovdi spazju għat-trasferiment tagħhom sabiex jiġi żgurat monitoraġġ kontinwu mill-qrib u kura ta’ dipendenza għolja.
Sabiex tiġi ffaċilitata l-kura ta’ dawn il-pazjenti, ġew installati monitors kontinwi tal-parametri, ġew aġġornati s-sistemi elettriċi u ġie akkwistat tagħmir speċjalizzat, inklużi magni tal-ventilazzjoni kapaċi jipprovdu ventilazzjoni mhux invażiva bħas-CPAP u l-BIPAP, kif ukoll analizzatur tal-gassijiet tad-demm.
“Illum qed naraw investiment ta’ madwar €450,000 biex tingħata kura speċjalizzata lin-nies. Il-Gvern kommess li jkompli jinvesti u jtejjeb il-kura u l-kwalità tal-ħajja tal-pazjent,” temm jgħid il-Ministru Abela.

