Sunday, December 22, 2024

Tinfetaħ inkjesta biex teżamina l-fatti dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon se jkun qed jaħtar Bord ta’ Inkjesta taħt l-Att dwar l-Inkjesti (Kap 273) sabiex jagħmel stħarriġ u eżami tal-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha marbuta mal-każ tas-Sa Nicolette Ghirxi.

Il-Bord se jkun immexxi mill-Imħallef Emeritu Lawrence Quintano.

Dan il-Bord se jkun maħtur sabiex jiddetermina l-fatti u ċ-ċirkostanzi kollha dwar x’għajnuna professjonali ngħatat is-Sa Ghirxi kull meta talbet, jew ġiet riferuta għal tali għajnuna lis-servizzi soċjali ta’ vjolenza domestika, inkluż dwar il-proċedura tar-risk assessment.

Dan il-Bord għandu wkoll jirrakkomanda jekk hemmx il-ħtieġa li jittieħdu miżuri ulterjuri fl-operat tas-servizzi soċjali li jingħataw lill-vittmi ta’ vjolenza domestika.

Din l-inkjesta se ssir b’żieda ma’ dik li qed issir mill-Bord Indipendenti għall-Ilmenti dwar il-Pulizija, li qed iwettaq analiżi in vista tad-delitt tas-Sa Nicolette Ghirxi, li seħħ it-Tnejn 12 ta’ Awwissu 2024.

Il-Bord qed jingħata erba’ xhur sabiex jissottometti r-rapport tiegħu, filwaqt li l-ministeru huwa kommess li jippubblika r-rapport ta’ inkjesta.

Ekonomija

Sport