Tuesday, June 24, 2025

Tinfetaħ l-Early Pregnancy Unit fl-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela ħabbar il-ftuħ tas-sala ‘Early Pregnancy Unit’ fl-Isptar Mater Dei għal individwi li jsofru minn korriment fil-perkors tat-tqala tagħhom.

“Fl-Isptar Mater Dei nħass il-bżonn li jkollna unit għal persuni li jsofru minn korriment fil-perkors tat-tqala tagħhom. Il-Gvern sema’ u fehem it-talba tan-nies sabiex tiġi mwaqqfa din il-unit,” stqarr il-Ministru Abela.

Il-Ministru Abela qal kif f’Malta madwar tliet persuni kuljum isofru minn korriment, li minnhom 400 pazjent fis-sena jiġu ammessi l-Isptar Mater Dei. Spjega kif din is-sala ser tilqa’ fiha tmien pazjenti għal aktar kura u monitoraġġ. Fi ħdan din is-sala se jkun hemm ukoll klinika għall-outpatients għall-individwi li jsofru korrimenti rikorrenti.

Il-Ministru Abela kompla jispjega kif din is-sala ser tkun qed tiġi operata minn 20 professjonist li huma infermiera u qwiebel u wara li ngħata taħriġ adegwat lill-ħaddiema, dan il-Unit se jibda joffri servizz mill-ġimgħa d-dieħla.

“Persważ li l-Early Pregnancy Unit, mhux biss ser tilħaq l-għan tagħna, imma wkoll ser tkun kruċjali għall-individwi li sfortunatament jgħaddu minn korriment fit-tqala tagħhom. Il-Gvern kommess li jkompli joffri u jtejjeb dawn is-servizzi għal individwi li jkunu għaddejjin minn dan iż-żmien kritiku fil-perkors tal-ħajja tagħhom,” temm jgħid il-Ministru Jo Etienne Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport