Thursday, March 5, 2026

Tinfetaħ skema għall-Kunsilli Lokali biex jimplimentaw proġetti ta’ Dog Parks u Cat Cafés fil-komunità

Aqra wkoll

Mil-lum, il-Kunsilli Lokali jistgħu japplikaw għall-iskema biex jimplimentaw proġetti ta’ spazji miftuħa li jintegraw elementi dedikati għall-pets. Din l-iskema tħabbret mill-Ministru għall-Ambjent u l-Enerġija Miriam Dalli u mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali Alicia Bugeja Said.

“Fil-proġetti li qed nagħmlu qed inkomplu ninvolvu lin-nies, il-komunità u diversi stakeholders. Permezz ta’ din l-iskema qed inħeġġu lill-Kunsilli Lokali jiġu bi proposti biex flimkien nimplimentaw proġetti ambjentali kemm fi spazji eżistenti li jkollhom bżonn riġenerazzjoni, u anke dawk kompletament ġodda. L-għan jibqa’ li noħolqu spazji differenti fil-lokalitajiet u anke nifirxu aktar l-ispazji miftuħa. F’dan il-każ qed naraw li, fejn possibbli, jinħolqu spazji fejn il-familji jistgħu jqattgħu l-ħin mal-pets tagħhom, f’ambjent sigur, aċċessibbli, u interessanti anke għall-annimali. Inħares ’il quddiem biex nara lill-Kunsilli Lokali jingħaqdu magħna f’din il-viżjoni,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said spjegat kif “Permezz ta’ din l-iskema qed inkomplu ninvestu b’mod konkret fil-benesseri tal-annimali u fil-komunitajiet tagħna. Qed nagħtu lill-Kunsilli Lokali l-opportunità li jiżviluppaw spazji miftuħa dedikati għal ambjent sigur u sostenibbli għall-annimali. Ser inkunu qed nallokaw €50,000 għal kull proġett, b’investiment totali ta’ €750,000 allokat għal din l-iskema. Dan l-investiment huwa marbut ukoll mal-Viżjoni Malta 2050, b’mod partikolari mal-Pilastru 4 u speċifikament ma’ miżura makro 93 li tiffoka fuq ir-riġenerazzjoni ta’ spazji pubbliċi.” Hija rringrazzjat lill-Animal Welfare u l-Project Green tal-kollaborazzjoni tagħhom sabiex din l-iskema tkun ta’ suċċess.

Project Green tissuplixxi fondi għal dawn id-dog parks u cat cafès, filwaqt li l-Kunsilli Lokali se jieħdu ħsieb l-implimentazzjoni kif ukoll il-manteniment ta’ dawn il-parks hekk kif jitlestew. Kundizzjonijiet japplikaw, fosthom li ż-żona trid kun ta’ daqs mill-inqas ta’ 1500 metru kwadru, b’20% minnu ddedikat għall-annimali. Din l-iskema qed tiġi amministrata mid-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali, fejn se jkunu qed jilqgħu l-applikazzjonijiet permezz ta’ sottomissjoni fuq  https://ahwd.gov.mt/en/animal-welfare-directorate/schemes/ sat-30 ta’ April 2026.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport