Sunday, January 18, 2026

Tinfetaħ uffiċjalment il-pixxina terapewtika fil-Kumpless ARB

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Għarb inawguraw uffiċjalment il-pixxina terapewtika fil-Kumpless ARB, proġett li jsaħħaħ b’mod konkret, il-kwalità tal-ħajja, is-saħħa u l-inklussività fi ħdan il-komunità Għawdxija. Minkejja d-daqs żgħir tagħha, din il-pixxina ġiet iddisinjata b’attenzjoni speċjali sabiex toffri servizz terapewtiku, riabilitattiv u ta’ rilassament lil kull min jagħmel użu minnha, f’ambjent kwiet u sigur.

Il-Ministru Clint Camilleri stqarr li dan il-kumpless sar kemm permezz ta’ Fondi Ewropej kif ukoll fondi lokali fejn “illejla nfetħet ukoll il-parti tal-pixxina terapewtika, li se tkun qiegħda sservi għal għan soċjali, apparti li se jkun hemm l-opportunità għall-poplu tal-Għarb u anka tal-madwar, din il-pixxina hija mmirata għal numru ta’ servizzi, servizzi li jinkludu lit-tfal u persuni bi bżonnijiet speċjali, anzjani u dawk kollha li għandhom bżonn it-terapija. U għaldaqstant, din ser tkun qiegħda wkoll iżżid mal-valur miżjud ta’ investiment fil-qasam sportiv li għandna ġewwa r-Rabat, Għawdex. Però, anki hawnhekk fejn tidħol imbagħad terapija għal diversi użi.”

Min-naħa tiegħu, is-Sindku tal-Għarb David Apap spjega kif “din il-pixxina hija kumplimentari għal dak li għadu kif wettaq il-Gvern Ċentrali, Pixxina Olimpika li grazzi għal Clint Camilleri, Ministru għal Għawdex, dan il-proġett ukoll sar realtà. Din il-pixxina terapewtika hija xi ħaġa li tista’ tkun kumplimentari sabiex in-nies ikunu jistgħu wkoll jużaw din il-heated pool illi hija bis-sħana kif suppost.”

Din il-faċilità professjonali u speċjalizzata hija ideali għal tfal żgħar, anzjani, persuni b’diżabilità u dawk li jeħtieġu terapija fl-ilma jew appoġġ riabilitattiv. L-użu tal-pixxina se jsir f’forma kontrollata u f’numru limitat ta’ persuni, bejn 15 u 18-il persuna f’ħin wieħed, skont it-tip ta’ sessjoni. Dan il-limitu huwa essenzjali biex jinżamm livell għoli ta’ sigurtà u biex kull min jużaha jirċievi attenzjoni individwali u professjonali.

Il-faċilità se toffri diversi servizzi fosthom terapija fl-ilma, sessjonijiet fl-ilma għat-tfal żgħar, terapija ta’ rilassament, servizzi u programmi għal persuni b’diżabilità, ambjent sigur għal familji li jeħtieġu appoġġ speċifiku u attivitajiet terapewtiċi adattati għal kull età. Din il-pixxina hija parti minn viżjoni usa’ għall-Kumpless ARB: li jkompli jissaħħaħ bħala ċentru ta’ servizzi komunitarji u spazji għall-attivitajiet soċjali, edukattivi u li jtejbu l-kwalità tal-ħajja.

Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri esprima r-ringrazzjament tiegħu lejn kull min kellu sehem f’din il-ħidma għaliex dan huwa eżempju ta’ kif investiment fil-komunità jista’ jwassal għal servizzi li verament jagħmlu differenza fil-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. Huwa temm billi rringrazzja lill-Kunsill Lokali tal-Għarb li għal darb’oħra kien fuq quddiem fejn jidħlu investimenti u użu tajjeb anki ta’ fondi sabiex wettaq dan il-proġett.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport