Każijiet pożittivi tal-Covid-19 fost għalliema u studenti… s’issa m’hemmx konferma ta’ trasmissjoni fl-iskola stess
Minn Carmen Cachia
Sors qrib ta’ L-ORIZZONT infumana li parti mill-Kulleġġ ta’ San Albert fil-Belt Valletta ngħalqet bħala prekawzjoni wara li rriżultaw każijiet pożittivi tal-Covid-19 fost għalliema u studenti. Minn informazzjoni li għandu dan il-ġurnal, l-istudenti tal-Kinder huma l-uniċi li qegħdin jattendu din l-iskola tal-Knisja, mentri l-bqija tal-istudenti qegħdin jitgħallmu online.
Il-Kulleġġ San Albert għalaq sezzjoni mill-iskola jumejn biss qabel il-waqfa tal-Milied u għaldaqstant l-amministrazzjoni tħoss li din mhux se taffettwa l-andament tal-edukazzjoni u li m’hemmx lok ta’ allarm.
L-ORIZZONT għamel kuntatt mar-Rettur tas-San Albert, Br Aaron Zahra, fejn staqsejnih diversi domandi – meta feġġ l-ewwel każ tal-Covid-19 fl-iskola; liema sezzjonijiet ingħalqu u d-dettalji relatati; kemm huwa n-numru tal-istudenti u għalliema rriżultaw bil-Covid-19; kemm hija l-popolazzjoni ta’ dan il-Kulleġġ; jekk ġewx infurmati l-awtoritajiet tas-saħħa; min iddeċieda li jingħalqu partijiet mill-iskola; liema studenti qegħdin jidħlu fl-iskola; liema huma l-istudenti li qegħdin isegwu l-lezzjonijiet online; u meta huwa mistenni li jirritornaw kollha fl-iskola.
Barra minn hekk tlabna kumment mingħand ir-Rettur Zahra dwar is-sitwazzjoni tal-każi riċenti ta’ Covid-19.
Br Zahra min-naħa tiegħu nfurmana biss li l-Kulleġġ San Albert jimxi mal-proċeduri stabbiliti mill-awtoritajiet tas-saħħa li jesiġu li kull każ ta’ Covid-19 fl-iskejjel jiġi rrapportat filwaqt li jittieħdu l-miżuri kollha ta’ prevenzjoni fl-aqwa interess tal-edukaturi, l-istudenti u l-istaff kollu tal-iskola, kif ukoll il-ġenituri.
Huwa qal ukoll li l-awtoritajiet tas-saħħa assiguraw lill-Kulleġġ li seta’ jkompli jopera kif kien qiegħed isir s’issa peress li ma kienx hemm konferma ta’ trasmissjoni tal-virus fl-iskola stess.
“Minkejja dan, l-amministrazzjoni tal-Kulleġġ ħasset li jkun aktar għaqli li l-jumejn li kien fadal għat-tagħlim, isiru online bħala prekawzjoni miżjuda biex b’hekk jingħalaq it-term b’wiċċ il-ġid b’ħarsien ‘il quddiem għall-bidu tas-sena l-ġdida,” tenn Br Zahra.
Il-Kulleġġ San Albert jilqa’ fih studenti bniet u subien bejn l-etajiet ta’ ħames u 16-il sena u huwa parti mill-provinċjal tad-Dumnikani.