Dalgħodu ġewwa l-Polonja ngħatat l-aħħar tislima lil Paulina Dembska, il-mara Pollakka ta’ 29 sena.
Dembska kienet instabet bla ħajja fit-2 ta’ Jannar fi Ġnien l-Indipendenza f’Tas-Sliema. Mill-awtopsja ġie stabbilit li hija mietet fgata fost vjolenza fiżika li ġarrbet.
Ftit tal-jiem ilu l-katavru tagħha ġie rilaxxat biex ikun jista’ jsir il-funeral tagħha ġewwa l-Polonja.

Il-funeral tagħha ġie mxandar ukoll fuq il-midja soċjali u kien ukoll segwit minn bosta Maltin. Fil-fatt persuna kkummentat kemm tinsab grata li setgħet issegwi ċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Paulina. “Hija l-inqas ħaġa li stajt nagħmel biex naqsam parti minn dan l-uġigħ kbir li qed tħoss il-familja kollha tagħha. Jalla dawk kollha li ħabbewha, speċjalment ommha, jkollhom ftit konsolazzjoni li hi żgur diġà qaddisa żgħira.”

Bosta persuni ddeskrivewha bħala tfajla simpatika b’qalb tad-deheb. Fost l-oħrajn persuni li kienu jafuha qalu li hija kienet magħrufa sew fost nies fil-qrib għax kienet tmur titma regolarment l-qtates li kienu jinsab fil-ġnien fejn sfortunatament instab il-katavr utagħha.
“Sfortunatament tlift ħajtek fuq gżira li tant kont tħobb. Fil-fatt kienet tirreferi għal Malta bħala post mill-isbaħ. Issa tista’ tistrieħ fil-paċi,” qalet persuna li kienet tafha.

Xahar biss wara d-delitt xokkanti ta’ Paulina Dembska u sentejn wara l-qtil ta’ Chantelle Chetcuti l-Gvern ippreżenta pakkett ta’ emendi fil-Kodiċi Kriminali li għall-ewwel darba f’Malta se jdaħħlu l-kunċett ta’ femiċidju.
Ritratti: Tomasz Golla/Super Express