Saturday, December 21, 2024

Tinħareġ l-ewwel liċenzja Maltija relatata mal-produzzjoni lokali tal-kannabis għall-użu mediċinali

Aqra wkoll

L-Awtorità Maltija għall-Mediċina approvat u ħarġet l-ewwel liċenzja relatata mal-produzzjoni tal kannabis mediċinali lill-kumpanija Kanadiża Aphria, leader globali fis-settur. L-ewwel prodotti li se  jiġu manifatturati, ippakkjati u ttestjati minn din il-kumpanija se jkunu fil-forma ta’ dried flowers.  Il-kultivazzjoni ta’ dawn id-dried flowers ser issir ġewwa l-Kanada. 

Dan huwa milestone importanti sabiex is-settur tal-kannabis mediċinali f’Malta jibda jesporta  prodotti tal-ogħla kwalità manifatturati f’pajjiżna. Dawn il-prodotti se jikkompetu fis-swieq  prinċipali madwar id-dinja. 

Dan l-investiment barrani dirett f’pajjiżna kien possibbli wara proċess rigoruż immexxi mill Awtorità għall-Mediċina u l-Malta Enteprise, li flimkien assiguraw id-due diligence neċessarju. Dan  il-proċess kien jinkludi approvazzjoni tal-proġett, proċess ta’ due diligence u evalwazzjoni tal attivita’ ekonomika mill-Malta Enterprise, u tkompla b’numru ta’ spezzjonijiet, ċertifikazzjonijiet u  evalwazzjonijiet rigorużi min-naħa tal-Awtorità għall-Mediċini.  

Fil-fatt l-Awtorità tagħmel spezzjonijiet kemm fl-impjant ta’ Malta u kif ukoll fil-faċilitajiet ta’  Aphria ġewwa l-Kanada minn fejn se tiġi esportata l-materja prima. Dan sabiex jiġi ċċertifikat li l proċeduri jsiru skont Good Manufacturing Practice (GMP) bl-istandards tal-Unjoni Ewropea f’dak  li għandu x’jaqsam produzzjoni ta’ prodotti ta’ farmaċewtika. Dan jikkonferma li l-prodott  mediċinali magħmul mill-kannabis li se jiġi esportat ikun tal-ogħla kwalità. 

Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista qal illi  dan il-proċess ta’ liċenzjar ħa madwar sentejn b’ħidma ma’ speċjalisti fi ħdan l-Awtorità għall Mediċina. Il-proċess rigoruż ħa jiggarantixxi li dan il-prodott huwa tal-ogħla kwalita’ sabiex Malta  tkun leader f’dan il-qasam. 

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u s-Sostenibilità Miriam Dalli laqgħet din l-aħbar u spjegat  kif din in-niċċa speċjalizzjata se tkun qed twassal għal attivita’ ekonomika importanti oħra. “Qed  inħarsu lejn dawn il-proġetti minn żewġ aspetti: Mil-lat ekonomiku u l-kontribuzzjoni ta’  investiment dirett barrani li se jwassal għal ħolqien ta’ aktar xogħol; u li niżguraw li prodotti  manifatturati f’Malta jkunu tal-aqwa kwalità biex b’hekk pajjiżna jkun leader globali f’dan il-qasam  ukoll.”

L-Awtorità għall-Mediċina għaddejja bil-proċess ta’ liċenzjar ta’ numru ta’ kumpaniji oħra li  qegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni biex tinħarġilhom liċenzja għall-produzzjoni lokali tal kannabis għal użu mediċinali. L-Awtorità għall-Mediċina ser tkompli b’ħidma ta’ monitoraġġ biex  jiġi assigurat li l-prattiċi, l-istandards u r-regolamenti applikabbli f’dan is-settur jiġu mħarsa u l pazjent jibqa’ fiċ-ċentru ta’ kull attività.

Ekonomija

Sport