Miriam Elabed ta’ 30 sena inħelset mill-arrest wara li appellat mis-sentenza li weħlet ta’ tmien snin ħabs fuq serq u aggressjoni ta’ anzjana f’Tas-Sliema 3 snin ilu.
Il-mara mix-Xgħajra u Ramon Abela ta’ 46 sena minn Bormla kienu wieġbu mhux ħatja għal akkużi ta’ serq aggravat u li darbu gravi anzjana, iżda wara li nstema l-każ il-Qorti kienet sabithom ħatja u weħlu piena ta’ ħabs.
Skont dak li kien ħareġ fil-qorti rriżulta li l-vittma kienet sofriet ġrieħi gravi bħala riżultat tal-aggressjoni, fosthom ponti f’rasha u driegħ miksur.
Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech kienu ntwerew filmati li ttieħdu minn CCTV li fihom jidher l-attakk vjolenti li kien sar fuq il-vittma. Fl-istess filmat jidher li l-vittma tispiċċa mal-art u tibqa’ taqla d-daqqiet fuq rasha u f’wiċċha.
Miriam Elabed kienet saret riċediva minħabba li kienet kisret sentenza sospiża li kienet ingħatat fl-2017. Din is-sentenza kienet b’rabta ma’ serqa li kienet seħħet f’Tas-Sliema.
Il-Qorti tal-Appell Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Giovanni Griscti laqa’ t-talba ta’ Elabed għall-ħelsien mill-arrest iżda b’għadd ta’ kundizzjonijiet, fosthom li ma tikkommettix delitt ieħor ta’ natura volontarja waqt li tkun bil-ħelsien mill-arrest.