Friday, November 15, 2024

Tinqaleb dgħajsa fi xmara fl-Afrika b’iktar minn 145 persuna abbord

Aqra wkoll

Minn tal-inqas 145 persuna jinsabu rrappurtati nieqsa, wara illi d-dgħajsa li kienu fuqha u li kienet mgħobbija bil-provvisti u l-annimali għerqet fi xmara fil-Majjistral ta’ Congo.

L-uffiċjali tal-lokal ikkonfermaw li 55 persuna rnexxielhom isalvaw minn dan l-inċident diżastruż, filwaqt li l-persuni l-oħra abbord x’aktarx li tilfu ħajjithom fl-inċident.

Id-dgħajsa kienet fi triqitha lejn ir-Repubblika ta’ Congo, meta fid-daqqa u l-ħin inqalbet fix-Xmara ta’ Lulonga, tard it-Tlieta billejl qrib il-belt ta’ Basankusu.

Il-President tas-Soċjetajiet Ċivili tal-lokal, Jean-Pierre Wangela, qal lill-ġurnalisti li l-kaġun ta’ din id-diżgrazzja kien minħabba tagħbija żejda, però, huwa kompla jgħid li n-nies tal-lokal ma tantx kellhom għażla biex jimxu b’mod differenti: “Bħalissa, fit-territorju ta’ Basankusu m’għandniex mezzi oħra ta’ trasport”, fisser Wangela.

L-inċidenti relatati ma’ dgħajjes li jegħrqu u li fihom jitilfu ħajjithom għexieren ta’ nies huma komuni ħafna fil-partijiet remoti tal-Congo, fejn l-ivvjaġġar fit-toroq huwa daqsxejn impossibbli.

Intant, f’Ottubru li għadda, iktar minn 40 persuna tilfu ħajjithom fix-Xmara tal-Congo minħabba ċirkostanzi simili.

Ekonomija

Sport