Fl-aħħar ħinijiet instabet il-ġakketta roża tat-tifla li tinsab mitlufa fil-baħar qrib iċ-Ċirkewwa.
F’kummenti lill-midja, ċ-Chief Assistance and Rescue Officer tas-CPD, Mark Zammit qal li l-ġakketta roża li instabet fuq il-blat hija tat-tifla.
Il-ġakketta ġiet murija lill-ġenituri tat-tifla u kkonfermaw li hija tagħha.
Zammit qal li issa t-tfittxija se tkun iffukata fejn instabet il-ġakketta filwaqt li qal li l-kundizzjonijiet tal-baħar għadhom ħżiena ħafna.
Aktar kmieni: “Kienu qegħdin jieħdu xi ritratti mis-South Quay”
It-tfal flimkien mal-missier kienu qegħdin jieħdu xi ritratti mis-South Quay taċ-Ċirkewwa meta ġiet mewġa u kaxkrithom minn fuq il-moll.
Hekk stqarr mal-midja l-Uffiċjal tal-Protezzjoni Ċivili Mark Zammit li qiegħed fuq il-post biex titmexxa l-operazzjoni bit-tama li tinstab it-tifla ta’ 13-il sena.
Zammit jgħid li l-Pollakki ma kienux jafu bit-twissija tar-riħ qawwi li ħarġu l-awtoritajiet u fil-ħin li seħħ il-każ niżlu fil-South Quay biex jieħdu xi ritratti. Jgħid li huma ressqu qrib sew il-baħar.
Il-mewġa ħadet lit-3 persuni li huma bil-missier ta’ 49 sena jitla’ u jsofri xi ġrieħi f’siequ filwaqt lit-tifel ma sofra l-ebda ġrieħi. Zammit qal iżda t-tifla ma kellix l-istess xorti għax il-mewġ baqa’ jkaxkara ‘l barra u sparixxiet fil-baħar.
Bħalissa għada għaddejja l-operazzjoni tas-salvataġġ anke permezz ta’ drone bit-tama li tinstab it-tifla.

