Friday, December 20, 2024

Tinstab is-salmonella fl-ikbar fabbrika taċ-ċikkulata fid-dinja

Aqra wkoll

Twaqqfet il-produzzjoni fl-ikbar fabbrika taċ-ċikkulata fid-dinja wara li ġew skoperti batterji tas-salmonella.

L-impjant jipprovdi prodotti taċ-ċikkulata lil klijenti multinazzjonali inklużi Hershey, Mondelez, Nestle u Unilever. Dan huwa mmexxi mill-ġgant Żvizzeru Barry Callebaut fil-belt Belġjana ta’ Wieze, u tipproduċi ċikkulata likwida f’lottijiet bl-ingrossa għal 73 klijent.

Kelliem tal-kumpanija aktar kmieni qal li kwalunkwe klijenti li setgħu rċevew ċikkulata kkontaminata se jiġu kkuntattjati.

Il-Kelliem Korneel Warlop qal li “il-prodotti kollha manifatturati minn meta sar it-test ġew imblukkati. Il-produzzjoni taċ-ċikkulata f’Wieze tibqa’ sospiża sa avviż ieħor”, kompla biex jgħid.

Dan qiegħed iseħħ ftit xhur biss wara li l-familji fir-Renju Unit intqalilhom biex jarmu l-bajd tal-kinder kollu li kellhom id-dar minħabba r-riskju tas-salmonella.

Fir-Renju Unit, 70 tifel u tifla, l-aktar taħt il-ħames snin, mardu b’avvelenament mill-ikel.

Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-kampjuni qabblu l-istess razza tas-salmonella li infettathom ma’ kampjuni meħuda minn fabbrika separata fil-Belġju f’Diċembru li għadda.

Dame Jenny Harries – Kap Eżekuttiv tal-UKHSA, wissiet li l-infezzjoni tas-salmonella tista’ tkun severa u ħafna tfal affettwati f’din it-tifqigħa spiċċaw ma jifilħux sew u oħrajn saħansitra rikoverati fl-isptarijiet.

Ekonomija

Sport