Iktar kmieni llum, għall-ħabta tad-08:45 a.m., il-Pulizija ġiet infurmata li ntlemaħ ġisem ta’ persuna fuq il-blat, fl-inħawi ta’ Paradise Bay, iċ-Ċirkewwa.
Hekk kif il-Pulizija ġew infurmati b’dan ir-rapport marru minnufih fuq il-post fejn instab katavru fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew sabiex jittella’ l-katavru.
Awtopsja fuq il-katavru mistennija tistabbilixxi l-kawża tal-mewt filwaqt li għaddejjin investigazzjonijiet sabiex tkun magħrufa l-identità tal-persuna li nstabet liebsa shorts aħmar.
Bis-sejba ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Lara Lanfranco li ħatret diversi esperti sabiex jassistu fl-inkjesta li ġiet appuntata.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.