“Se tkun soluzzjoni temporanja… Se tiġi mwaħħla alarm fi Pjazza San Ġorġ li hekk kif tidħol sejħa għall-għajnuna tindaqq din l-alarm u kulħadd irid iżarma biex tidħol l-ambulanza.” Hekk stqarr ma’ dan il-ġurnal is-Sindku tal-Belt Victoria Brian Azzopardi f’intervista li saret f’għeluq is-sena minn meta ħa din il-kariga.
Il-kwistjoni ta’ Pjazza San Ġorġ issa ilha għaddejja snin, b’imwejjed fin-nofs bil-konsegwenza li servizzi ta’ emerġenza jsibu diffikultà biex jidħlu.
Staqsejna lis-Sindku x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali dwar dan kollu. Ikun ċar mill-ewwel li “s-sitwazzjoni fl-aħħar xhur tjiebet ħafna…” iżda nsistejna mas-Sindku li s-sitwazzjoni għadha mhix waħda adekwata.
“Il-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali u anke tiegħi personali hija bażikament l-istess bħal dik tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ. L-Arċipriet ta’ San Ġorġ qabel ma ħareġ l-aħħar proposti kkonsulta magħna u qbilna magħhom. Kellna laqgħat il-Ministeru fejn għal dawn il-laqgħat attendew fost l-oħrajn is-Soċjetà La Stella,” jgħidilna Azzopardi filwaqt li jtenni li dik il-Pjazza taqa’ taħt il-Lands.
Ikun skjett ħafna li l-Kunsill Lokali m’għandux fakultà li jirranġa l-affarijiet… Hemm jieħdu ħsieb il-Lands, Pulizija u l-MTA li b’xi mod jieħdu azzjoni.
“Aħna bħala kunsill imorru ‘l hemm minn dak li hu dover tagħna. Aħna meta jkun hemm attività bħal tieġ, funeral eċċ imorru aħna u ‘by hand’ navżaw kull ħanut li hemm fil-pjazza biex ineħħi l-imwejjed. Aħna mhux obbligati biex nagħmlu dan,” kompla jgħid is-Sindku.
Azzopardi jgħid “ejja nqabblu ż-żewġ pjazez li hawn. Pjazza Indipendenza u Pjazza San Ġorġ… Fi Pjazza Tokk fis-sidien hemm koperazzjoni. Dan navżawhom biex ineħħu l-imwejjed u mhux qed nitkellmu fuq siegħa jew sagħtejn, iżda fuq ġranet. Meta jkun hemm l-attività tal-Aħħar tas-Sena, meta jkun hemm attivitajiet kbar oħrajn u anke armar tal-festi dawn iżarmaw l-imwejjed għal ġranet sħaħ.”
“Tgħidli kienx hemm koperazzjoni mis-sidien tan-negozji ta’ Pjazza San Ġorġ? Kieku kkoperaw mal-Kunsill Lokali, li ma konnix qed nitlobu affarijiet ta’ barra minn hawn, kieku dawn l-affarijiet ma nqalgħux. Aħna nifmhu li kulħadd irid jaħdem, imma kieku kien hemm koperazzjoni li meta jkun hemm funeral u tieġ jew attivitajiet tal-Parroċċa l-imwejjed jitneħħew mingħajr ebda problemi, kieku żgur li l-Arċipriet ta’ San Ġorġ ma kienx se jmur fil-pubbliku u jinqala’ dan kollu,” jgħidilna s-Sindku Azzopardi.
Staqsejna li f’każ ta’ funerali u tiġijiet is-sidien tan-negozji jiġu avżati jumejn, tlieta qabel… iżda f’każ ta’ emerġenza x’se jiġi?
Azzopardi jgħid li “aħna għadna qegħdin nistennew il-masterplan il-ġdid… Iltqajna mall-Ministeru tas-Saħħa fejn kien hemm anke CEO tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex ħarġu bl-idea li jsir alarm… Ħalli nkun ċar, din se ssir mhux għax nemmnu li din hija s-soluzzjoni ideali, iżda għalina l-prijorità huwa dak iċ-ċittadini li jkun fil-pjazza u jista’ jkollu problemi ta’ saħħa u jkollu bżonn ambulanza,” jgħidilna s-Sindku tal-Belt Victoria.
Jispjega li din l-alarm se tkun imwaħħla u kkontrollata mill-Isptar Ġenerali t’Għawdex. “F’każ li jkun hemm emerġenza din tindaqq u kulħadd ikun jaf li fi 3 minuti 4 oħra trid tidħol ambulanza fi Pjazza San Ġorġ u allura kulħadd irid iżarma… Nerġa’ ntenni dak li għetlek fil-bidu… din mhix soluzzjoni ideali għax is-soluzzjoni għandha tkun ir-rispett lejn il-liġi… Irrid inkun ċar ukoll li dawk il-ħwienet li hemm fi Triq San Ġużepp għandu dritt li joħorġu ‘l barra b’metru… imma b’metru mal-ħajt u metru ieħor in-naħa l-oħra l-ambulanza xorta waħda ma tidħolx.”
Is-Sindku jgħidilna li din tal-alarm kienet idea tal-Ministeru tas-Saħħa u se ssir wara konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali, il-Pulizija u l-awtoritajiet konċernati. Jgħidilna li kien hemm il-ħsieb li f’każ ta’ emerġenza jmorru l-pulizija javżaw biex jitneħħew l-imwejjed… “Iżda kieku sar hekk kien ikun hemm problema ta’ ħin. Saret din il-proposta li ġiet approvata mill-Kunsill Lokali,” itenni s-Sindku.
Azzopardi jgħid li b’dan il-mod ma jfissirx li issa kulħadd se joħroġ imwejjed kemm irid bl-iskuża “għax issa ddoqq l-alarm u neħħu kollox…”
Ikompli jgħidilna li idealment li jinħareġ il-masterplan il-ġdid, jew inkella jiġi infurzat dak li hemm bħalissa, “iżda biex inkun ġust meta sar lejn l-2006 ir-realtà li kien hemm Pjazza San Ġorġ mhux dik li hemm illum. Kien hemm żewġ bars biss u mhux bħal-lum.”