Fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja, biswit numru rekord ta’ rigali frott il-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi, Dr Lydia Abela flimkien ma’ bintha Giorgia Mae rringrazzjaw lil kull min kien parti minn din l-edizzjoni ta’ Rigal bi Mħabba, sabiex kull tifel u tifla jkollhom rigal dan il-Milied, irrispettivament mill-isfidi li jistgħu jkunu għaddejjin minnhom.
Fil-preżenza wkoll tal-Prim Ministru Robert Abela, Dr Lydia Abela nnotat b’sodisfazzjon kif sena wara l-oħra familji, għaqdiet, kunsilli lokali u kumpaniji kummerċjali, fost oħrajn, ikomplu jinvolvu ruħhom b’mod attiv f’din l-inizjattiva u anke jersqu ’l quddiem b’ideat ġodda biex dan l-appuntament annwali jkompli jinfirex dejjem iktar mal-pajjiż kollu. Hija għamlet referenza wkoll għal Rigal Bi Mħabba b’Differenza b’risq l-annimali, inizjattiva li twieldet flimkien ma’ Jake Vella u li din is-sena ġiet estiża wkoll għal Għawdex.
“Rigal Bi Mħabba ġġegħelna nirriflettu fuq id-differenza li tista’ tagħmel il-ġenerożità u fuq it-tama li nistgħu nagħtu meta ningħaqdu lkoll flimkien. Hekk ġara għas-sitt sena konsekuttiva, ingħaqdu l-Maltin u l-Għawdxin, kienu ġenerużi u offrew it-tama. Minn hawnhekk issa se jibda x-xogħol biex dik il-ġenerożità u dik it-tama titwassal dirett għand it-tfal qabel Jum il-Milied,” temmet tgħid Dr Lydia Abela.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri qal, “L-inizjattiva Rigal Bi Mħabba hija eżempju ċar ta’ kif is-solidarjetà u l-qalb tajba jistgħu jagħmlu differenza reali fil-ħajja tat-tfal l-aktar vulnerabbli. Inħossni kburi bil-mod kif il-Forzi Dixxiplinati tagħna ħadu sehem attiv għal darb’oħra f’din l-inizjattiva, u wrew li l-missjoni tagħhom tmur lil hinn mis-servizz tas-sigurtà, billi joffru tama, ferħ u tbissima lil tfal li jixirqilhom Milied mimli mħabba u dinjità.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli faħħret din l-inizjattiva u l-konkorrenza qawwija tal-Kunsilli Lokali għal dan il-ġest altruwist. “Huma proprju dawn l-inizjattivi li jkomplu jgħaqqdu l-komunitajiet flimkien u, sena wara oħra, juru l-ġenerożità tal-poplu Malti u Għawdxi,” sostniet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

