Wara li l-Erbgħa li għadda ġiet fi tmiemha l-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita, is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rebecca Buttigieg esprimiet s-sodisfazzjon tagħha li din il-konsultazzjoni pubblika ġabet ammont rekord ta’ sottomissjonijiet u qalet li dan kien eżerċizzju li jsaħħaħ id-demokrazija parteċipattiva.
Is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-Gvern offra l-informazzjonii fattwali u ħalla lil kulħadd fil-libertà li jesprimi l-opinjoni tiegħu anke jekk kien hemm mument li fihom x’uħud taw informazzjoni mhix korretta. Hija kompliet tgħid li t-tmiem tal-konsultazzjoni pubblika dwar l-Ewtanasja Volontarja Assistita mhijiex it-tmiem tal-proċess konsultattiv u fil-jiem li ġejjin għandha laqgħat oħrajn skedati fosthom mal-imsieħba soċjali.
Hija rringrazzjat lill-pubbliku u lill-għaqdiet li għamlu s-sottomissjonijiet varji tagħhom kif ukoll lill-persuni li attendew il-laqgħat fil-komunità u qasmu l-esperjenzi tal-familjari tagħhom dwar dan is-suġġett li qajjem tant emozzjonijiet.
“Wara li smajna lil kulħadd bi qlub u mħuħ miftuħa, issa ser nibdew l-istadju ta’ evalwazzjoni tal-eluf ta’ sottomissjonijiet li saru fuq il-mertu tagħhom. L-ewwel impressjoni tiegħi hija li wħud mis-sottomissjonijiet qajmu punti tekniċi li jinħtieġu riflessjoni serja anke biex jiġu rfinuti l-proposti li kien hemm fid-dokument tal-konsultazzjoni pubblika,” qalet Buttigieg.
Dwar il-pass li jmiss, is-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li dan għad irid ikun deċiż wara li jittieħed kont tas-sottomissjonijiet u proposti li saru tul it-tmien ġimgħat ta’ konsultazzjoni pubblika kif ukoll tal-laqgħat li kellha u ser ikollha fil-ġimghat li ġejjin qabel eventwalment jibda l-proċess leġiżlattiv.