Ġiet fi tmiemha tfittxija oħra għal Madeleine McCann wara li l-investigaturi qattgħu tlitt ijiem sħaħ ifittxu f’żoni qrib fejn din it-tifla ta’ tliet snin kienet sparaxxiet 18-il sena ilu fil-Portugall.
L-investigaturi Ġermaniżi telqu miż-żona ta’ tfittxija nhar il-Ħamis li għadda għall-ħabta tal-5.15 p.m. (ħin lokali). McCann kienet ġiet irrapportata nieqsa wara li kienet fuq btala mal-ġenituri tagħha f’Praia da Luz fit-3 ta’ Mejju 2007.
F’dik il-lejla meta McCann sparixxiet, il-ġenituri tagħha kienu qed jieklu ma’ xi ħbieb f’ristorant ftit metri ‘l bogħod waqt li hija u ż-żewġt aħwa tewmin tagħha kienu baqgħu reqdin fl-appartament.
Il-każ ta’ McCann kien beda jiġi investigat mill-awtoritajiet Portugiżi bl-għajnuna tal-Pulizija Metropolitana. Fl-2020, il-pulizija Ġermaniża ħadet f’idejha l-każ meta identifikat ċittadin Ġermaniż Christian Brückner bħala suspettat ewlieni, li huwa magħruf li qatta’ żmien fl-istess żona tal-Portugall bejn l-2000 u l-2017.
Min-naħa tiegħu, Brückner ċaħad kull involviment fil-każ u ma kinux ġew ippreżentati akkużi kontrih b’rabta mal-għajbien ta’ Madeleine McCann. Huwa bħalissa qed jiskonta sentenza ta’ priġunerija fuq każ ieħor dwar stupru, u jista’ joħroġ mill-ħabs f’Settembru li ġej.
Ix-xahar li għadda, Kate u Gerry McCann immarkaw it-18-il anniversarju mill-għajbien ta’ binthom u qalu li d-determinazzjoni tagħhom li ma jħallu l-ebda ġebla mhux imdawra tibqa’ waħda soda.