Sunday, December 22, 2024

Tintlagħab it-tieni ġurnata tal-Premier League Ingliż

Aqra wkoll

Fit-tieni ġurnata tal-Premier League Ingliż li hija mifruxa fuq jumejn, illum u għada, ikun interessanti wie­ħed jara kemm mit-tmiem timijiet li ħarġu rebbieħa fl-ewwel ġurnata se jibqħu bla megħluba.

Iċ-champions Manchester City, Arsenal, Brighton u Li­verpool bdew b’rebħiet komdi, waqt li Manchester Uni­ted, Aston Villa. Newcastle u Brentford kisbu rebħiet ristretti.

Is-City se jkunu fl-Etihad Stadium kontra l-promossi Ipswich Town f’logħba li ma jidhirx li għandhom ifallu xi punti. Huma kellhom lill-attakkant Norveġiż, Erling Haaland, jiskorjalhom l-ewwel goal u għalhekk mill-ewwel wera li se jkompli jsib ix-xbieki avversarji.

Min-naħa tagħhom Ips­wich ġejjin minn telfa kontra Liverpool f’darhom u għalhekk iridu joqogħdu attenti minn taptipa oħra min­kejja li għadu kmieni fl-ista­ġun.

Arsenal kisbu rebħa simili ta’ 2-0 bħas-City meta laqgħu lil Wolves fl-Emirates b’dawn ikollhom il-mumenti tagħ­hom ukoll. 

Il-Gunners jid­hru li għandhom ikunu fost l-isfidanti għat-titlu għal­kemm dan jiddependi mit-team ta’ Pep Guardiola jekk humiex lesti li jċeduh wara li rebħuh għar-rekord ta’ erba’ darbiet wara xulxin.

Illum Arsenal se jmorru Villa Park biex jiltaqgħu kontra Aston Villa li min-naħa tagħhom għelbu lil Wesh Ham 2-1 bil-goal tar-reb­ħa jasal tard fil-partita minn Jhon Duran.

Brighton se jilqgħu lil Manchester United fl-AMEX Stadium f’logħba bejn żewġ timijiet rebbieħa bis-Seagulls iwarrbu għal kollox lil Everton u l-United rebħu bil- ħniena fl-aħħar tliet minuti kontra Fulham b’dawn ikol­lhom żewġ ċansijiet kbar ta’ skor meta l-iskor meta kien għadu ma nfetaħx.

F’derby ta’ Londra naraw lil Crystal Palace jilqgħu lil West Ham f’Selhurst Park meta t-tnejn ġejjin minn telfa ta’ 2-1, tal-ewwel away u tat-tieni home.

Il-Palace tilfu element importanti f’Michael Olise li sie­ħeb lil Bayern M­u­nich waqt li l-Hammers saħħew it-team b’akkwisti siewja għal­kemm għandhom players ta’ kalibru bħaċ-Ċeki, Tomas Soucek u l-kollega internaz­zjonali, Vladimir Coufal.

Rebħa hija importanti għal xi ħadd minnhom waqt li draw l-iktar li jikkuntenta huwa lill-avversarji tagħhom għax b’punt ftit ikunu għamlu progress.

Newcastle se jmorru għand Bournemouth f’logħba delikata wara li bdew b’rebħa 1-0 f’darhom kontra Southampton. Hawnhekk irridu naraw kemm iċ-Cherries se jħossu n-nuqqas ta’ Dominic Solanke li ngħaqad ma’ Tottenham.

Spurs se jkunu f’darhom kontra Everton li sofrew l-ikbar telfa meta tilfu 3-0 f’Goodison Park kontra Brighton biex l-affarijiet għalihom ma setgħux jibdew agħar minn hekk.

Għal Spurs iddebutta So­lanke iżda għadu kmieni biex wieħed jiġġudikah meta issa qed jilgħab ma’ team u kollegi ġodda.

Min-naħa tagħhom il-Mag­pies iridu joqogħdu attenti li ma jitilfux lill-midfielder ta’ klassi, il-Brażiljan Bruno Guimaraes, meta qed jingħand li Liverpool jinsabu interessati fis-servizzi tiegħu.

Fi Craven Cottage, Fulham se jiffaċċjaw lill-promossi Lei­cester City, champions tal- Premier League tmien snin ilu. Huma tilfu kontra l-Uni­ted f’Old Trafford waqt li l-Foxes ġew draw 1-1 kontra Tottenham.

Fulham tilfu lid-difensur Tosun Abandarayu u lill- midfielder Portugiż, Joao Palhinha li sieħeb lil Bayern Munich. 

Southampton u Nottingham Forest se jkunu l-prota­gonisti f’St Mary’s Stadium bis-Saints għadhom bla punt waqt li l-Forest bdew bi draw kontra Bournemouth. Logħba li iktar  tidher waħda ta’ draw milli l-punti jmorru kollha għand wieħed minnhom.

Wolves se jkunu f’Molineux għada wara nofs in-nhar biex jilqgħu lil Chelsea meta t-tnejn huma feruti wara li tilfu 2-0 fl-ewwel ġurnata.

Il-Blues għandhom 40 player li jistgħu jagħżlu minnhom iżda jridu jnaqqsu l-iskwadra għal 25 biex jirreġistraw mal-Premier Lea­gue. 

Huma jistgħu jibdew b’Pedro Neto fuq il-wing xellugi fl-ewwel logħba kontra l-eks team tiegħu ġimgħatejn biss wara li ħalla lil Wolves wara ħames snin, iżda b’dawk il-players kollha ħadd mhu ċert minn postu.

Il-logħba li tagħlaq il-programm hija dik f’Anfield li fiha Liverpool se jospitaw lil Brentford, żewġ timijiet li bdew l-istaġun b’rebħa.

Ir-Reds rebħu lil Ipswich b’żewġ goals fi spazju ta’ ħames minuti fit-tieni taqsima minn Diogo Jota u Mohamed Salah waqt li l-Bees warrbu l-isfida ta’ Crystal Palace meta kienu qed jilagħbu f’darhom.

Ekonomija

Sport