Mara ta’ 30 sena residenti Marsaskala tressqet il-Qorti mixlija li serqet mutur Yamaha Neos, li għamlet ħsara fuq il-mutur, li saret riċediva, u li kisret żewġ settijiet ta’ kundizzjonijiet relatati mal-ħelsien mill-arrest tagħha.
Il-każ beda wara rapport li sar iktar kmieni dan ix-xahar, nhar it-2 ta’ Lulju, minn resident f’Santa Venera li qal li dakinhar, għall-ħabta tal-11.00 p.m., kien lemaħ raġel u mara jitilqu bil-mutur tiegħu li kien ipparkjat barra.
L-allegati ħallelin twaqqfu mis-sid tal-mutur li rnexxielu jilħaqhom u ħa l-mutur tiegħu lura. Aktar tard huwa għamel rapport fl-għassa. “Il-verżjoni tiegħu kienet ikkorroborata minn filmati tas-sigurtà,” qalet l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa li spjegat li ż-żewġ suspettati kienu ntgħarfu wkoll.
Il-pulizija għamlet diversi tentattivi biex tkellem lill-mara iżda kien kollu ta’ xejn sakemm l-Ispettur irnexxielha taqbadha fuq il-mobile fejn qaltilha li hija kienet ma tiflaħx. Ommha, aktar tard. marret l-għassa biex tippreżenta tliet ċertifikati mediċi li jixhdu l-marda li kellha bintha.
L-Avukat David Gatt, li deher għall-mara, talab lill-Uffiċjal Prosekutur tikkonferma jekk is-suspettat l-ieħor kienx ammetta s-serqa tal-mutur meta tressaq il-Qorti l-ġimgħa li għaddiet. L-Ispettur Zerafa wieġbet fl-affermattiv.
Madankollu, meta mistoqsija jekk ir-raġel qalx xi ħaġa dwar l-involviment ta’ Elabed fis-serqa, huwa kien għażel li ma jweġibx.
Taħt interrogazzjoni, Elabet kienet insistiet li ħabiba tagħha kienet qaltilha li r-raġel kien aċċetta li jixtri l-mutur mingħand terza persuna u ħeġġiġha biex tmur miegħu ħalli jieħdu l-mutur.
Il-mara wieġbet mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontriha, iżda nżammet arrestata fid-dawl tan-natura tar-reati u l-fedina penali tagħha li ma toffrix serħan il-moħħ li kienet se żżomm mal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.