Tuesday, January 7, 2025

Tinżamm arrestata wara li ġiet mixlija b’sensiela ta’ serqiet

Aqra wkoll

Mara li allegatament daħlet f’residenza fil-Gżira armata b’sikkina nżammet taħt arrest preventiv wara li tressqet fil-Qorti mixlija li wettqet ukoll sensiela ta’ serqiet.

Milena Debono ta’ 36 sena residenti l-Fgura kienet arrestat s-Sibt li għadda ftit sigħat wara li kienet daħlet f’appartament li jinsab fi Triq Giacint Tua.

Il-Pulizija kienet spjegat li għall-ħabta tad-9.00 a.m., persuna kienet ħabbtet fuq bieb ta’ appartament u daħlet f’residenza fejn dak il-ħin kien hemm raġel ta’ 28 sena minn Nepal. Intqal li l-persuna armata sakkret lir-raġel fil-gallarija u wara li nsterqu diversi oġġetti, din ħarbet minn fuq il-post.

L-Ispettur Eman Hayman, li mexxa l-Prosekuzzjoni, spjega ċ-ċirkostanzi li wasslu għall-arrest ta’ Debono u qalet li hija allegatament kienet involuta f’diversi serqiet oħra li kienu saru bejn is-26 ta’ Diċembru u 3 ta’ Jannar li għadda f’Tas-Sliema u l-Gżira.

Debono kienet mixlija li serqet cash register, mobile u flus kontanti fost oħrajn. Hija kienet identifikata permezz ta’ filmati tas-CCTV.

Filwaqt li ma saritx talba għall-ħelsien mill-arrest, id-Difiża talbet biex il-mara tinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli biex tingħata l-għajnuna li teħtieġ, bil-Qorti tilqa’ din it-talba.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Eman Hayman u Ian Azzopardi megħjuna mill-Avukat Brendan Hewer mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
L-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri dehru għall-imputata.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport