Sunday, December 22, 2024

TIPPERSISTI S-SĦANA SEVERA

Aqra wkoll

Il-mewġa ta’ sħana kbira li qiegħda taħkem madwar l-Ewropa qiegħda tinħass sew. Malta mhix eċċezzjoni tant li s-sħana qawwija li qed tagħmel, qed ikollha konsegwenzi fuq bosta mill-infrastruttura tal-pajjiż. Tant huwa hekk li l-qtugħ tal-provvista tal-elettriku li pajjiżna ffaċċja fis-sajf tas-sena l-oħra kien dovut fil-biċċa l-kbira tiegħu għas-sħana tremenda li nħasset anke taħt l-art u affetwat il-cables.
M’hemmx dubju li t-tisħin tat-temperaturi klimatiċi huma riżultat tat-tibdil fil-klima. Saħansitra esperti diġà qed ibassru illi s-sħana se tkompli tiżdied tant li l-kontinent Ewropew qed jisħon b’rata aktar mgħaġġla milli kienu jaħsbu l-esperti meterjoloġiċi.

Dan il-fenomenu ta’ tibdil fil-klima, l-parti l-kbira tiegħu hija kaġun tal-attività umana, l-iktar minħabba li għadhom jintużaw il-fjuwils fossili, iż-żejt, il-gass u l-faħam. F’dan ir-rigward, in-Nazzjonijiet Magħquda ilha twissi dwar dan, u qed tinsisti mal-gvernijiet biex jieħdu azzjoni immedjata għaliex jekk ikomplu jkaxkru aktar saqajhom, id-dannu jew il-ħsara kemm fuq il-bniedem u anki fuq l-ambjent se tkun akbar u se jkun tard wisq biex tiġi rimedjata.

F’Malta qed jittieħdu passi biex jikber u jiżdied l-użu tal-enerġija alternattiva b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-emissjonijiet li jniġġsu l-arja. Għalhekk wieħed japprezza l-isforzi li qed isiru mill-Gvern f’din id-direzzjoni tant li issa pajjiżna se jibda jfittex metodi oħra ta’ enerġija alternattiva bħalma huma l-imtieħen tar-riħ fuq il-baħar.

Dan flimkien ma’ metodi oħra ta’ enerġija alternattiva, fosthom l-inċentivi fix-xiri ta’ sistemi fotovoltajċi sabiex pajjiżna mhux biss ikollu s-sigurtà tal-enerġija imma wkoll jilħaq il-miri ambjentali tiegħu kif imfassla mill-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest nistqarru li kienet inizjattiva f’waqtha li parti mill-iskart domestiku jkun ukoll jista’ jintuża biex tinħoloq l-enerġija.

Għalhekk, huwa dmir ta’ kull wieħed u waħda minna li f’dawn iż-żminijiet, meta qed ikunu organizzati ħafna attivitajiet fuq barra, fosthom BBQs, kulħadd għandu jkun responsabbli biżżejjed biex la jħalli ħmieġ warajh u wisq inqas oġġetti li faċilment jistgħu jieħdu n-nar u jħallu konsegwenzi kemm fil-qerda tas-siġar u anke fil-ħidma li jwettqu l-membri tal-Protezzjoni Ċvili.

Għalhekk ukoll, f’dan iż-żmien ta’ sħana kbira, nappellaw biex in-nies jaħsbu f’saħħithom u jieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa biex jipproteġu lilhom infushom mir-raġġi tax-xemx, l-iktar f’ħinijiet imprekattivi tal-ġurnata.

Ekonomija

Sport