Fost l-organizzazzjonijiet li kkummentaw dwar il-baġit għas-sena 2023, l-Organizzazzjoni xellugija Żminijietna tenniet dak li ilha ssostni li l-Gvern għandu jirrevedi ‘l fuq il-paga minima nazzjonali. Dan qalitu fil-kuntest li jiġu indirizzati l-bżonnijiet ta’ dawk bi dħul baxx.
Filwaqt li laqgħet b’sodisfazzjoni l-aħbar tal-Gvern għal aktar żieda fil-pensjonijiet, Żminijietna ħeġġet lill-Gvern biex jirregola wkoll il-protezzjoni soċjali tal-impjieg ta’ ħaddiema tal-pjattaformi.
“Kumplementari għal din, Żminijietna tistenna li l-Gvern jilleġisla sabiex ħaddiema bi dħul baxx jkunu msieħba f’Unjin b’mod mandatorju”
Żminijietna żiedet tgħid “li l-mekkaniżmu ġdid għal għoli tal-ħajja għal dawk bi dħul baxx għandu jitħallas kollu f’bonus addizzjonali’ minn min iħaddem u l-Gvern f’każ ta’ pensjonanti u dawk vulnerabbli”.
Fir-rigward ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja, Żminijietna qalet li l-Gvern għandu jikkunsidra permezz ta’ studji u riċerka, l-introduzzjoni f’Malta ta’ ġimgħa xogħol ta’ 35 siegħa.
“Il-Baġit għanda wkoll jiffoka favur politika ħadra. Il-Gvern għandu jikkunsidra jdaħħal liġi sabiex artijiet li ddaħħlu għall-iżvilupp fl-2006, parti miż-żona titgawda mill-komunità tal-madwar bħala spazju aħdar miftuħ u għall-investiment pubbliku fil-pannelli solari”.
Il-Gvern għandu wkoll jinċentiva il-ħolqien ta’ ko-operattivi fil-qasam ta’ tindif u fi tħaddim ta’ latrini pubbliċi. Għoti ta’ kuntratti bbażati fuq l-orħos offerta u li ma jħarsux il-kundizzjonijiet tal-ħaddiema għandhom jiġu pprojbiti, temmet tgħid Zminijietna.